Elezzjoni Kap PN Lokali

AĠĠORNATA: Bernard Grech jirbaħ l-elezzjoni b’69% tal-voti

Bernard Grech se jkun id-9 Kap tal-PN

Ċifri uffiċjali li għandu f’idejh Net News jindikaw li l-avukat Bernard Grech kiseb 69.3% tal-voti fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li Adrian Delia kiseb 30.7%.

Dan juri li Bernard Grech kiseb 12,663 vot filwaqt li Adrian Delia kiseb 5,622.

Il-proċess tal-għadd tal-voti intemm ftit tal-ħin ilu.

F’din l-elezzjoni ivvutaw 85% tat-tesserati, li jfisser 18,362 persuna. Minn dawn, kien hemm 77 vot invalidu.

Għalhekk dan kollu juri li Bernard Grech ġie elett f’din l-elezzjoni bħala l-Kap il-ġdid tal-PN, u se jkun id-9 Kap tal-partit.

Dan il-jum jimmarka ukoll tliet snin ta’ tmexxija ta’ Adrian Delia, li matulhom l-ħidma tiegħu iffukat fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni partikolarment fil-każ tal-Vitals.