Elezzjoni Kap PN Lokali

“Lest inservi lilkom” – il-Kap il-ġdid tal-PN

"Irridu naraw PN b'saħħtu, tarka għaċ-ċittadini"

“Lest biex inservi lill-poplu. Ejjew magħna. Din hi l-mixja ta’ dawk li jridu jifdu lill-pajjiż mill-ħakma tal-kriminali.” Din hi d-dikjarazzjoni li għamel Bernard Grech fl-ewwel diskors tiegħu wara l-elezzjoni li fiha kien elett bħala Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech irringrazzja lit-tesserati kollha li vvutaw f’din l-elezzjoni.

Hu saħaq li din kienet rebħa għall-PN, u mhux telfa għal Adrian Delia jew rebħa għal Bernard Grech.

Il-Kap tal-PN irringrazzja lil Adrian Delia li sab il-kuraġġ li joffri lealtà assoluta għall-partit. “Minn għada inpoġġu lil flimkien biex insaħħu l-partit”, qal Bernard Grech.

F’mument emozjonanti, Bernard Grech sellem lill-familja tiegħu għall-appoġġ kbir matul dawn il-ġranet.

Dan ir-riżultat wassal fi tmiemha l-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN, li ingħalqet mill-President Ċensu Galea.