Sport Waterpolo

Valletta jirbħu l-Ewwel Diviżjoni għall-ewwel darba mill-2013

(Ritratt: Stefan Abela)

Stewart Said

MARSASKALA FISH AND FISH….. 5

VALLETTA IZIBET…………………….. 12

(1-4), (0-3), (2-4), (2-1)

Valletta IZIBET ikkonfermaw li kienu b’saħħithom għall-Ewwel Diviżjoni hekk kif anki rebħu b’mod konvinċenti t-tieni logħba minn possibbiltà ta’ tlieta. Dan kien l-ewwel kampjonat ta’ Valletta f’din id-diviżjoni mill-2013 hekk kif fl-aħħar snin b’eċċezzjoni għal dawn l-aħħar sentejn, Valletta lagħbu fil-Kampjonat Premier.

Ironikament, Valletta kisbu l-istess rebħa tal-ewwel. Minkejja li ma ħarġux fuq in-naħa rebbieħa, Marsaskala kellhom kampjonat sodisfaċenti, bl-akbar sorpriża wettquha meta eliminaw lil Marsaxlokk fis-semifinali.

Ir-rebħa ta’ Valletta qatt ma kienet f’dubju. Dan hekk kif wara li Paul Privitera fetaħ l-iskor għal Marsaskala, huma wieġbu b’żewġ doppjetti ta’ Keith Galea u Michele Stellini.

B’vantaġġ ta’ tliet gowls, Valletta setgħu jikkontrollaw il-logħba u rnexxielhom jiskorjaw tliet gowls mingħajr risposta permezz ta’ Peter Borg, Edward Aquilina minn man-up u Andrea Agius.

B’distakk ta’ sitt gowls, iż-żewġ timijiet kienu diġà jafu l-partita fejn sejra. Speċjalment fl-aħħar sessjoni, Valletta naqsu mill-intensità tagħhom u ppermettew lil Marsaskala biex inaqqsu d-distakk li iżda ma kienx biżżejjed.

Fi tmiem il-logħba, xena surreali hekk kif f’pixxina mingħajr spettaturi u kulħadd bil-maskra, Valletta ġew preżentati bit-trofew. Il-President tal-ASA u Charles Azzopardi f’isem il-BOV, ippreżentaw l-unur lill-captain ta’ Valletta Ryan Sciortino. Valletta issa jħarsu li jagħmlu doppjetta bir-rebħ tan-knock-out.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli, P. Privitera (1), M. Aquilina, L. Grixti, K. Navarro, M. Manara (1), L. Felice (1), G. Galea, R. Attard, M. Chircop (1), A. Muscat, N. Gatt, L. Grech Carr (1)

Valletta: R. Sciortino, P. Borg (1), E. Aquilina (1), M. Stellini (2), A. Agius (1), R. Mock, A. Bianchi (2), N. Farrugia (1), M. Zammit, K. Galea (3), N. Lanzon (1), T. Micallef

Referees: Mario Dalli, Ronnie Spiteri