Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Abela mutu dwar l-Edukazzjoni

Meta din il-ġimgħa eluf ta’ studenti se jibdew sena skolastika ġdida, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ma għamel assolutament l-ebda referenza għall-isfidi li dan is-settur qed jiffaċċja kawża tal-pandemija tal-Coronavirus.

Minflok, il-Mexxej Laburista ddedika d-diskors politiku tiegħu tal-Ħadd filgħodu dwar temi oħrajn … fosthom l-immigrazzjoni. Hawn hu fakkar fil-politika Laburista li l-Libjani huma ħbieb tal-Maltin u kif fil-Libja jara ċans ta’ investiment. Fuq kollox, qal li l-Libja ma tistax tibqa’ titqies bħala problema.

Il-Prim Ministru qal li qed imexxi Gvern u Partit magħqud miegħu. Madankollu, f’nifs ieħor kellu jammetti li qed ikollu attakki minn kullimkien … inkluż minn madwaru stess.

Hekk kif NETnews.com.mt żvela li l-Budget 2021 se jkun ippreżentat it-Tnejn 19 ta’ Ottubru, Robert Abela wiegħed li dan se jkun Budget tajjeb. Dan fl-istess waqt li stqarr li fl-aħħar xhur l-Ekonomija kienet ibbażata fuq il-vouchers, bil-Gvern ġabar ħafna taxxi minn bwiet in-negozji.

Il-Prim Ministru ammetta li f’pajjiżna hawn toroq maħmuġin, tant li qal li mhux sodisfatt bl-ambjent ta’ madwarna.

Barra minhekk, spjega li l-mekkaniżmu li kien ilu jimbotta l-predeċessur tiegħu biex jiżdiedu n-nisa fil-Parlament, mhux se jidħol fis-seħħ qabel l-elezzjoni ġenerali li ġejja.