Coronavirus Edukazzjoni Lokali Saħħa

“Ċert li se tiġi tajba” – Robert Abela fuq il-ftuħ tal-iskejjel

Il-Prim Ministru jinawgura l-iskola tal-Qawra 3 snin tard, wara 5 snin ta' wegħdi mil-Labour

Wara l-esperiment li għamilna bl-iskejjel li diġà fetħu, ċert li se tiġi tajba!

Dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela, li kkonferma li se jkun qed jesperimenta b’saħħet l-istudenti, ftuħ li diġà qed iqisu ta’ suċċess u li se tiġih tajba żgur:

Dan hu suċċess kollettiv, bħallikieku hija xi ħaġa tal-Gvern, jekk tiġi ħażina, nagħtuha lill-Gvern. Jiena ngħid li se tiġi tajba. (…) Huwa l-obbligu li għandna lejn it-tfal li naraw li jmorru lura lejn l-iskola. (…) F’dawk l-iskejjel li fetħu diġà ikun wieħed ta’ suċċess u nieħdu pjaċir b’dan is-suċċess flimkien.”

Iżda Robert Abela jidher li qed jagħti stampa qarrieqa tas-sitwazzjoni għaliex il-UPE Voice of the Workers gidbet dak li qal meta kkonfermat li hemm student tal-Form 3 fi skola privata f’Pembroke, waħda mill-iskejjel li diġà fetħu, li huwa pożittiv għall-Coronavirus.

Dan filwaqt li hemm każijiet pożittivi fost l-istaff tal-iskejjel tal-Gvern fin-Naxxar, il-Liċeo tal-Ħamrun, ta’ Żokkrija l-Mosta u Ħal Tarxien, 3 ijiem qabel mal-istudenti jirriturnaw lura f’dawn l-iskejjel.

Abela, f’nofs siegħa intervista li fiha qara n-noti fuq l-istazzjon Laburista, ma nissilx kelma fuq l-edukazzjoni u allura, meta mistoqsi jekk jistax jitwemmen fuq il-ftuħ tal-iskejjel wara l-ħerba fid-djar tal-anzjani, huwa qal li filwaqt li ma jistax jifhem dan id-dubju tal-ġenituri, jagħtihom il-kuraġġ:

Jien nerġa’ nagħmel kuraġġ lill-ġenituri u fiduċjuż li jkollna esperjenza pożittiva fiċ-ċirkostanzi.”

Robert Abela kien qiegħed iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ NET News waqt il-ftuħ tal-Iskola Primarja tal-Qawra, skola li l-Gvern wiegħed li kellha tinfetaħ fl-2017 iżda t-tfal ta’ San Pawl kienu mċaħħdin minnha għax damet aktar minn 3 snin sit ta’ kostruzzjoni.

Waqt it-tnedija saru diskorsi minn Owen Bonnici u Frank Fabri bi ftaħir fuq l-iskejjel tal-Imsida u r-Rabat Għawdex, skejjel imwiegħda għal snin sħaħ mill-Partit Laburista u li għadhom ma tlestewx ukoll, bil-Prim Ministru jirriduċi l-gravità tal-istennija u jifhem li n-nie kellhom jistennew.

Intant fi stqarrija tal-kelliem tal-Oppożizzjoni tal-Edukazzjoni, Clyde Puli, il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon l-ftuħ tal-iskola ġdida fil-Qawra, li tista’ titgawda mit-tfal wara 5 snin ta’ wegħdi Laburisti u 3 snin mis-suppost tlestija.

Il-Gvern, kompla Clyde Puli, ma kienx kapaċi ilestiha fil-ħin, kif ma lestiex fil-ħin l-iskola ta’ Marsaskala is-sena li għaddiet u kif qiegħed ħames snin tard fil-bini tal-iskejjel tal-Imsida u tar-Rabat Għawdex, li ilhom ħames snin mwegħdin.