Futbol Sport

Deċiża b’gowls fit-tieni taqsima

Chris Cassar

MARSAXLOKK ………………………… 1

PEMBROKE A. …………………………. 1

Marsaxlokk: F. Tabone, C. Degabriele, J.P. Morales, G. Barone, I. Paz, J. Cabral, J. Spiteri, B. Sciberras, C. Brincat, R. Sammut, R. Fenech.

Pembroke A: P. Schranz, A. Marshall, K. Farrugia, D. Sant, K. Frendo, M. Zarb, J. Oliveira, D. Camilleri, T. Abdul, P.P. Sammut, N. Grech

Referee: Slawomir Olucha

Marsaxlokk bdew l-impenji tagħhom fil-kampjonat bi draw ġust ta’ 1-1 kontra Pembroke, f’logħba ferm bilanċjata speċjalment fit-tieni taqsima fejn anki kienu skorjati l-gowls.

L-ewwel taqsima kienet bilanċjata anki jekk l-aħjar opportunitajiet ta’ skor kienu kollha ta’ Marsaxlokk li kienu iktar diretti fil-logħob tagħhom, filwaqt li Pembroke qatt ma nkwetaw lill-goalkeeper tax-Xlukkajri.

Il-goalkeeper ta’ Pembroke Schranz kien determinanti b’saves fuq xuttijiet mill-viċin ta’ Cabral u Russell Fenech, filwaqt li azzjoni solitarja ta’ Ivan Paz intemmet bil-ballun imur ftit barra.

Pembroke fetħu tajeb fit-tieni taqsima fejn wara tliet minuti minn azzjoni ta’ korner kien Abdul li skorja b’daqqa ta’ ras. Pembroke issa bdew jilagħbu aħjar iżda Marsaxlokk wettqu reazzjoni bil-mument deċiżiv ikun fit-68 minuta meta l-eks attakkant ta’ Pembroke, Jean Pierre Mifsud Triganza li kien daħal tliet minuti qabel, twaqqa’ fil-kaxxa u mill-11-il metru kien Juninho Cabral li kiseb id-draw.

Fl-aħħar ħinijiet il-goalkeeper ta’ Pembroke Schranz reġa’ kien determinanti fuq Fenech.