Gazzetti Lokali

Elezzjoni li ddominat il-gazzetti kollha tal-Ħadd

Bernard Grech Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista (mument)

Bernard Grech is the new leader (Independent)

Grech wins (Malta Today)

Grech is PN leader (Times)

Bernard Grech il-Kap il-ġdid (Torca)

Huma dawn it-titli li ddominaw il-faċċati tal-gazzetti tal-Ħadd, bl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista tkun l-aħbar ewlenija ta’ tmiem il-ġimgħa.

Din l-elezzjoni rekord fost it-tesserati ġiet imfissra mill-gazzetti bħala l-ewwel pass tal-PN biex jibda jinbena għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Fl-editorjal, il-gazzetta Sunday Times of Malta tgħid li l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista għandu jittrasforma l-Partit f’Oppożizzjoni formidabbli mingħajr telf ta’ ħin, waħda li toffri gvern alternattiva u tkun kapaċi tieħu r-riedni tal-pajjiż, tiġi meta tiġi l-elezzjoni generali.

Din tista’ tasal qabel iż-żmien previst fid-dawl tal-mod mgħaġġel kif qed jiżviluppaw l-iskandli fil-Gvern Laburista flimkien mal-kriżi ekonomika inevitabbli kagun tal-pandemija tal-COVID-19.

L-editur spjega illi Bernard Grech jeħtieġ ikollu l-aqwa nies possibli madwaru, fosthom imħuħ żagħżugħa u progressivi, biex bi strutturi b’saħħithom il-Partit Nazzjonalista jkun jissaħħaħ fost l-elettorat

Il-gazzetta il-mument minn naħa tagħha tgħid li dan kien messaġġ ċar mit-tesserati. Il-PN irid iħares ‘il quddiem, u jrid iwieġeb għal dak li qalu t-tesserati f’din l-elezzjoni.

Dan il-partit kapaċi jwettaq pass storiku, u jqum għas-sejha tal-poplu, sostna l-editur tal-gazzetta il-mument.