Internazzjonali

Franza u l-Italja milqutin mill-għargħar u l-valangi b’kaġun tal-Maltempata ‘Alex’

Maltempata mill-aktar qawwija li ngħatat l-isem ‘Alex’ ikkaġunat straġi rari fid-diversi nħawi ta’ Franza u l-Italja – fejn l-awtoritajiet lokali rappurtaw iħsarat estensivi mill-għargħar u l-valangi tal-art.

L-aħħar rapporti qalu li mietu tal-anqas żewġ persuni b’kaġun tal-elementi, b’20 oħra jkunu rappurtati nieqsa. Dan meta l-impatt tal-maltempata, karatterizzat mill-irwiefen u ħalbiet tax-xita kontinwi, beda jinħass l-aktar fit-territorji lejn il-lbiċ ta’ Franza u fl-artijiet tal-Italja lejn il-majjistral.

Numru ta’ villaġġi ftit ‘il hinn minn Nizza, fi Franza, ġarrbu l-qilla tal-elementi li qerdu numru ta’ djar, toroq u pontijiet.

Sadanittant, l-għargħar li rriżulta minn ‘Alex’ u li faqa’ l-inħawi tal-Italja lejn il-majjistral kien imfisser bħala ‘storiku’. Dan meta l-maltemp ħalla ‘baħar ta’ tifrik’ fl-inħawi ta’ Cuneo u meta krollat parti mill-pont li għaddej minn fuq ix-Xmara Sesia.

Il-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, impenja fondi għall-emerġenza waqt li l-awtoritajiet qed jikkonfrontaw l-agħar inċidenza ta’ għargħar għal għexieren ta’ snin, lejn ix-xlokk ta’ Franza. Intant, mal-20 persuna kienu rappurtati ‘neqsin’ jew li ‘baqgħu ma kuntattjawx lil qrabathom fost il-maltemp’.

L-awtoritajiet fir-reġjun Franċiż ta’ Alpes-Maritimes, kienu anki inkwetati dwar il-prospetti ta’ aktar xita fiz-zona. Dan meta niżlet l-ekwivalenti ta’ kważi erba’ xhur xita (għal dan iż-żmien tas-sena) fid-diversi zoni ta’ Franza, f’perjodu ta’ 24 siegħa.

Ir-reġjun tal-Alpi, lejn in-nofsinar ta’ Franza, intlaqat partikularment ħażin mill-maltemp fost il-ħsarat kbar fil-widien ta’ Roya, Tinee, Esteron u Vesubie. Saru wkoll inaċċessibbli t-toroq li jagħtu għall-villaġġi ta’ Saint-Martin-Vesubie u Rimplas.

Fl-Italja, kien ikkonfermat li membru ta’ skwadra li tindirizza l-emerġenzi ċivili tilef ħajtu ‘waqt il-qadi ta’ dmirijietu’ fil-Wied ta’ Aosta. Sar magħruf ukoll li raġel għereq wara li l-karozza tiegħu nġarret mill-għargħar fir-reġjun ta’ Piemonte.

Diversi villaġġi ta’ Piemonte spiċċaw maqtugħin mill-kumplament tar-reġjun wara li x-xita għamlet l-aċċess mit-toroq kważi impossibbli.

Is-sitwazzjoni hemmhekk kienet imfissra bħala ‘kritika għall-aħħar’ mill-uffiċjali, bil-President ta’ Piemonte, Alberto Cirio, jinforma lill-media Taljana dwar ‘l-inżul ta’ 630 millimetri xita f’24 siegħa’ għall-ewwel darba mill-1954.