Lokali Parlament

Għada jiftaħ il-Parlament – tissokta l-ħidma tal-Oppożizzjoni

Fix-xhur tas-Sajf, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista baqgħet taħdem qatigħ fil-ħidma parlamentari tagħha, kif ukoll baqgħet preżenti, parteċipi u effettiva fil-Kumitati Parlamentari.

Sostna dan ma’ NET News, id-Deputat Nazzjonalista u Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, fejn qal li minkejja l-elezzjoni interna, l-Oppożizzjoni baqgħet magħquda u ffukata għal għan wieħed biex tibqa’ l-għassiesa u t-tarka għad-drittijiet tal-poplu Malti u Għawdxi.

Robert Cutajar sostna li bi tħejjija għall-Budget għall-2021, li kif żvela NETnews.com.mt se jsir it-Tnejn 19 ta’ Ottubru, kull Deputat tal-Partit Nazzjonalista bagħat proposti għad-Dokument tal-pre-Budget .. ikkordinat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco.

Dan kollu hekk kif it-Tnejn se jerġa’ jiftaħ mill-ġdid il-Parlament Malti wara l-waqfa tas-Sajf, b’Robert Cutajar jgħid li hu ta’ min jistmerr bin-nuqqas ta’ rispett li l-Gvern Laburista wera lejn l-istituzzjoni tal-Parlament. Dan għaliex spjega li fix-xahrejn u nofs tal-vaganzi tas-Sajf, il-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra ma ltaqax. Minflok, il-Kumitat se jkun qed jitlaqqa siegħa qabel jitlaqqa’ mill-ġdid il-Parlament.

Robert Cutajar stqarr li minflokk il-prassi uffiċjali, it-tliet Abbozzi ta’ Liġi li se jkunu qed jiġu diskussi ntbagħtulu mill-Whip Laburista, Glenn Bedingfield, b’messaġġ fuq il-mobile.

Cutajar fakkar li fl-ewwel tlett ijiem tal-ftuħ tal-Parlament se jkun hemm ir-riżenja tad-Deputat Nazzjonalista, Ivan Bartolo, wara li ħabbar li se jċedi s-Siġġu Parlamentari tiegħu lill-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

B’hekk, l-għada, Bernard Grech jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Deputat Parlamentari u sussegwentament bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista temm li l-Oppożizzjoni dejjem tat u ser tibqa tagħti widen liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u tressaq ‘il quddiem il-ħtiġijiet tagħhom quddiem l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.