Lokali

Id-Deputat Ivan Bartolo se jċedi s-siġġu fil-Parlament favur Bernard Grech

Kif wiegħed fil-ġimgħat li għaddew, id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo ħabbar li għada se jirriżenja mill-Parlament biex iċedi s-siġġu tiegħu lill-Kap il-ġdid tal-PN Bernard Grech.

Permezz ta’ post fuq Facebook kmieni l-Ħadd filgħodu, irringrazzja lill-kostitwenti li fdawh li jirrappreżentahom fil-Parlament. Fl-istess waqt hu wiegħed li se jagħmel dak kollu possibbli biex il-Partit Nazzjonalista ikun Oppożizzjoni kredibbli u effettiva u li tkun alternattiva għall-Gvern meta l-poplu jkun imsejjaħ jivvota f’elezzjoni ġenerali.

Hu assigura lil kulħadd, speċjalment lill-kostitwenti fid-distretti li kkontesta, li se jkompli jaħdem b’iktar enerġija.

Ivan Bartolo kien ikkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-2017 u kien elett fil-Parlament f’elezzjoni każwali fid-9 Distrett f’Marzu ta’ din is-sena wara r-riżenja ta’ Marthese Portelli minn Deputat.