Internazzjonali Lokali

Il-konflitt f’Nagorno-Karabakh: L-ibliet ewlenin iġarrbu l-impatt tal-ġlied kontinwu

epa08719051 A handout photo made available by the Armenian Defense Ministry on 04 October 2020 on its official instagram shows Armenian soldiers allegedly during military clashes with Azeri army along the contact line of the self-proclaimed Nagorno-Karabakh Republic (also known as Artsakh). Armed clashes erupted on 27 September 2020 in the simmering territorial conflict between Azerbaijan and Armenia over the Nagorno-Karabakh territory along the contact line of the self-proclaimed Nagorno-Karabakh Republic. EPA-EFE/ARMENIAN DEFENCE MINISTRY HANDOU HANDOUT MANDATORY CREDIT / BEST QUALITY AVAILABLE HANDOUT EDITORIAL USE ONLY/NO SALES

Il-qawwiet tal-Armenja, fl-aħħar sigħat, fetħu bumbardament qalil fuq l-inħawi ta’ Ganja, it-tieni l-akbar belt tal-Ażerbajġan, waqt li kompla l-ġlied feroċi bejn il-qawwiet Armeni u Ażeri li qed jinsistu għall-kontroll sħiħ tar-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh.

Ir-reġjun polemikuż hu uffiċjalment parti mill-Ażerbajġan iżda ilu s-snin jitmexxa mill-Armeni etniċi. Kemm ilu li żbroffa l-aħħar ġlied f’Nagorno-Karabakh (mill-aħħar tax-xahar li għadda) mietu ‘il fuq minn 100 persuna, li ħafna minnhom huma ċivili.

Sadanittant, l-awtoritajiet Armeni-etniċi f’Nagorno-Karabakh qalu li fetħu bumbardamenti ‘preċiżi’ fuq l-ajruport militari ta’ Ganja. L-isparar tal-artillerija kien ritaljazzjoni għall-bumbardamenti tal-qawwiet Armeni fuq l-inħawi ta’ Stepanakert, il-kapitali ta’ Nagorno-Karabakh.

Hemm ukoll sinjali li ċ-ċifra tal-mejtin hi ħafna ogħla milli qed jiżvelaw l-awtoritajiet tal-Armenja u l-Ażerbajġan. Dan għaliex iċ-ċifri tal-vittmi li qed jipproduċu n-naħat avversarji ma kenux ivverifikati mis-sorsi indipendenti.

L-Armenja u l-Ażerbajġan it-tnejn qegħdin iwaħħlu f’xulxin għall-agħar konfronti militari ta’ bejniethom mill-2016 ‘il hawn.

Intant, il-militar tal-Ażeri qal li l-qawwiet tiegħu, fl-aħħar sigħat, ħadu lura l-kontroll f’seba’ villaġġi. Dan waqt li l-Armeni-etniċi f’Nagorno-Karabakh qed jinsistu li t-truppi tagħhom ‘ikkonsolidaw u tejjbu’ l-pożizzjonijiet tagħhom f’dik iz-zona ta’ gwerra.

L-Ażerbajġan, li qed jingħata appoġġ sħiħ mit-Turkija f’dan il-konflitt, qiegħed jinsisti għall-irtirar tas-suldati Armeni minn Nagorno-Karabakh u l-madwar, meta l-inħawi għalissa huma kontrollati mill-Armeni-etniċi. Dan wara li l-Armenja qalet li hi lesta ‘għal kuntatti’ mal-medjaturi ta’ Franza, ir-Russja u l-Istati Uniti li qed jippruvaw iwasslu għal waqfien mill-ġlied.

Fl-aħħar sigħat, il-Ministru tad-Difiża Ażeri, Zakary Hasanov, tkellem dwar il-bumbardamenti fuq Ganja, lejn it-tramuntana ta’ Nagorno-Karabakh, u sostna li ‘l-azzjoni tal-Armeni serviet biex tkabbar l-iskala tal-konflitt’. Għalkemm l-Ażeri ma provdewx statistika uffiċjali dwar vittmi u ħsarat f’Ganja, ħarġu diversi ritratti u filmati li wrew numru ta’ bini li nqerdu fil-bumbardamenti.

Intant, l-awtoritajiet Armeni-etniċi f’Nagorno-Karbakh qalu li rnexxielhom jeqirdu l-ajruport militari ta’ Ganja li kienet qed tintuża mill-qawwiet Ażeri biex jattakkaw liċ-ċivili tal-Armenja. Dan meta l-missili tal-Ażeri li niżlu fl-aħħar sigħat fuq Stepanakert ħallew ‘numru konsiderevoli ta’ vittmi’, b’din il-belt anki tispiċċa mingħajr provvista tad-dawl.

L-istess awtoritajiet f’Nagorno-Karabakh, fl-istess ħin, wissew li l-faċilitajiet militari li huma stazzjonati fl-ibliet il-kbar tal-Ażerbajġan issa saru ‘mira leġittima tal-qawwiet tagħhom’.