Internazzjonali

Il-Papa jgħid li l-politika tas-suq ħieles falliet lis-soċjetà

Il-Papa Franġisku qal li l-pandemija tal-Covid-19 hi l-aħħar kriżi li uriet li l-forzi tas-suq waħedhom – flimkien mal-politika ekonomika li wasslet għal sitwazzjonijiet ‘li minnhom jiggwadanjaw nies ivvantaġġjati’ – ma produċewx il-benefiċċji soċjali li qed jippromwovu d-difensuri tas-sistema.

Il-Kap tal-Knisja – permezz ta’ enċiklika li titratta t-tema tal-fratellanza umana – wassal ukoll il-messaġġ li l-proprjetà privata ma tistax tkun ikkunsidrata bħala dritt assolut fil-każi kollha fejn ‘uħud jgħixu ħajja estravaganti filwaqt li ħaddieħor ma għandu xejn’.

Il-Papa anki kritika l-ekonomija li tinċentiva u toffri gwadann lis-sinjur u lin-negozji kbar, skont it-teorija li din il-politika tibbenefika lill-bqija tas-soċjetà permezz ta’ investimenti u ħolqien tax-xogħol.

Hu kundanna wkoll ‘il-prinċipju ta’ twemmin neo-liberali’ bħala l-unika soluzzjoni għall-problemi fis-soċjetà.

Intant, it-titlu tal-enċiklika – ‘Fratelli Tutti’ – qajjem polemika għall-fatt li mhux meqjus bħala ‘lingwaġġ inklussiv’. Il-kelma ‘Fratelli’ bit-Taljan tfisser aħwa iżda l-kritiċi jgħidu li mhemmx referenza speċifika għall-‘aħwa nisa’. Intant, il-Vatikan qal li l-enċiklika ttiedet mil-linji gwida li kiteb San Franġisk ta’ Assisi (fis-seklu tlettax) lis-segwaċi tiegħu u li dawn ma jistgħux jinbidlu.

Il-Papa jgħid, fl-ewwel parti tal-enċiklika, li San Franġisk ‘kien indirizza lil ħutu – irġiel u nisa’ – b’dan il-mod (‘fratelli’). Il-Kap tal-Knisja, fid-dokument, juża t-terminu ‘irġiel u nisa’ għal ħmistax-il darba waqt li jitkellem diversi drabi dwar l-importanza ‘li niddefendu d-drittijiet u d-dinjità tal-mara’.