Futbol Sport

Inter u Lazio jispiċċaw jilgħabu b’għaxar plejers

(Ritratt: EPA)

Inter kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 kontra Lazio f’Stadio Oimpico, fejn iż-żewġ timijiet spiċċaw jilgħabu b’għaxar plejers. Inter fetħu l-iskor fit-30 minuta wara li Ivan Perisic għadda madwar id-difensuri ta’ Lazio u qassam fil-kaxxa, b’Lautaro MARTINEZ ikkonkluda minkejja li Thomas Strakosha kważi laqa x-xutt. Lazio kellhom jistennew sat-tieni taqsima biex ġabu d-draw. Fil-55 minuta, Francesco Acerbi tefa’ kross b’Sergej MILINKOVIC-SAVIC inkwadra bir-ras. Il-partità kienet waħda taħraq, biż-żewġ timijiet ifittxu l-gowl tar-rebħa. Ciro Immobile tkeċċa fid-69 minuta, wara li deher jagħti daqqa ta’ ħarta lil Arturo Vidal. Fl-aħħar minuti tal-partita, Inter ukoll spiċċaw b’għaxar plejers wara li Stefano Sensi ntwera karta ħamra diretta.

Atalanta rebħu għal darb’oħra 5-2 kontra Cagliari. Luis MURIEL fetaħ l-iskor għal Atalanta, b’Diego GODIN skorja l-gowl tad-draw għal Cagliari. Atalanta marru f’vantaġġ ta’ 4-1 sa tmiem l-ewwel taqsima, permezz ta’ Alejandro GOMEZ, Mario PASALIC u Duvan ZAPATA. Wara l-waqfa, Joao PEDRO skorja għal Cagliari b’Sam LAMMERS jagħlaq il-logħba għal Atalanta bil-ħames gowl.

Benevento komplew l-istaġun fuq nota pożittivi bit-tieni rebħa ta’ 1-0 fuq Bologna. Kien Gianluca LAPADULA li skorja l-gowl deċiżiv biex kompla jagħti s-suċċess lit-tim taħt it-tmexxija ta’ Filippo Inzaghi.

Rebħa minima għal Parma kontra Hellas Verona fejn il-gowl wasal wara biss minuta mil-bidu tal-partita permezz ta’ Jasmin KURTIC.