Edukazzjoni Knisja

Ippubblikat il-ktieb ġdid “Għaxra Żgħar Imma Kbar”

Fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni taż-żagħżugħ Carlo Acutis nhar l-10 ta’ Ottubru li ġej, is-Soċjetà tal-MUSEUM permezz ta’ Pubblikazzjoni Preca, għadha kemm ippubblikat il-ktieb ta’ Robert Aloisio Għaxra Żgħar imma Kbar. Dan il-ktieb jitratta l-ħajja ta’ għaxar żgħażagħ, ħafna minnhom ta’ żmienna, wieħed minnhom Malti, li taw xhieda bi kliemhom u b’għemilhom tal-fidi tagħhom fi Kristu. Il-ktieb huwa ideali għall-adolexxenti kollha u għal dawk li jieħdu ħsiebhom għax juri biċ-ċar li huwa possibbli tgħix tajjeb illum ukoll fis-seklu 21.

“In-nies kollha jitwieldu oriġinali imma ħafna jmutu qishom photocopies.” Dan il-kliem ma qalux xi filosofu jew studjuż magħruf ta’ żmienna. Qalu żagħżugħ ta’ 15-il sena, bl-isem ta’ Carlo Acutis, li nhar is-Sibt li ġej 10 ta’ Ottubru, il-Knisja se tiddikjarah Beatu.

Carlo kien ġenju tal-kompjuter imma mhux biss. Kien żagħżugħ qaddis. Forsi llum ħafna jistaqsu: Mela llum tista’ tkun qaddis? U kif ikunu tfal u żgħażagħ qaddisin tas-seklu wieħed u għoxrin?

Iva jeżistu tfal u żgħażagħ qaddisin. U żgur m’humiex tfal boring, lanqas xejn. Huma tfal ferriħija, kreattivi, affaxxinanti… cool! Bniet u subien, tfajliet u ġuvintur, li jkellmuna bit-tajjeb li jagħmlu.

Żgħażagħ li jaduraw lil Alla l-Ħaj u mhux l-idoli foloz tad-dinja. Huma l-veri benefatturi tal-umanità. Dawk li jixegħlu d-dinja bil-fantasija virtuża tagħhom. Kuraġġużi, qawwija, ma jehdew qatt, iż-żgħażagħ qaddisin huma l-missjunarji tat-tajjeb u tal-veru. Fuqhom jirrifletti raġġ tal-qdusija ta’ Kristu, tat-tjubija tiegħu, tal-ħniena tiegħu, tal-ġustizzja tiegħu.

Dan il-ktieb ġdid irid ikun ringrazzjament modest lil dawn ħutna żgħar. Għaxar żgħażagħ minn pajjiżi u kulturi diversi. Imma l-qaddisin mhumiex qegħdin hemm biex nammirawhom imma biex nimitawhom.

Minbarra Carlo Acutis, fil-ktieb hemm tliet żgħażagħ oħra li l-qdusija tagħhom ġiet rikonoxxuta uffiċjalment mill-Knisja: Chiara Badano, tfajla ta’ 19-il sena li kienet membru attiva tal-Fokolarini u ġiet iddikjarata Beata fl-2010; Nunzio Sulprizio, it-tifel qaddis ta’ Napli li miet fl-1836 u ġie ddikjarat qaddis fl-2018; u Josè Sanchez del Rio, il-Martri tal-Messiku li nqatel minn uffiċjali ta’ gvern tal-mażuni u ateji fl-1928 u ġie ddikjarat qaddis fl-2016.

Imbagħad Aloisio jitratta sitt żgħażagħ oħrajn li għadhom ma ġewx iddikjarati qaddisin jew Beati: Janis Babson, it-Tifla Kanadiża li Tat Għajnejha; Bernard Lehner, it-Tifel Ġermaniż ta’ Żmien il-Gwerra; Michele Magone, il-“Ġeneral” żagħżugħ dixxiplu ta’ Don Bosco; Mariah Manisha, il-“Maria Goretti” tal-Pakistan; Iqbal Masih, in-Nissieġ tat-Twapet; u Gilbert Simiana, iż-żagħżugħ qaddis Malti.

Dawn iż-żgħażagħ jgħallmuna fidi ġejja mill-fiduċja bħalma dik ta’ tifel f’missieru, fi żmien meta l-bniedem sar jiddubita u jissuspetta kollox. Jgħallmuna l-entużjażmu, is-sempliċità, il-freskezza. Jgħallmuna ma nkunux ikkumplikati. Jgħallmuna l-umiltà u l-fiduċja fl-oħrajn. Għax it-tfal jaqraw il-qalb mhux il-kliem. Fuq kollox, jgħallmuna nemmnu. Għax ilkoll kienu tfal u żgħażagħ li emmnu tassew. Kienu żgħar fl-età imma kbar fil-fidi. Għaxra żgħar imma KBAR.

Il-ktieb Għaxra Żgħar Imma Kbar qiegħed jinbiegħ minn minn Librerija Preca, il-Blata l-Bajda (Triq San Ġorġ Preca, il-Marsa – maġenb il-Kappella tal-Museum). Min ikun irid jintbagħtlu d-dar bil-posta jċempel 2122 2626 jew jidħol fil-facebook page ta’ Librerija Preca u jordna l-ktieb minn hemm.