Lokali

Ningħaqdu, niġġeddu u nirnexxu biex il-PN jerġa’ jkun id-dar naturali tal-Maltin u l-Għawdxin

Flimkien se nbiddlu pajjiżna għall-aħjar

Fl-ewwel diskors tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li se jaħdem ma’ kulħadd biex iġib l-għaqda fil-partit, filwaqt li jġedded lill-PN billi jibni fuq it-tajjeb li diġa’ hemm. Huwa qal li mil-lum stess rridu naħdmu u nġeddu l-organizzazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk stieden lill-membri tal-Grupp Parlamentari għal laqgħa biex flimkien titfassal l-aġenda tad-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu. Bernard Grech irringrazzja lil Ivan J. Bartolo li dalgħodu ħabbar li se jkun qed jirriżenja mill-Parlament biex Bernard Grech ikun jista’ jmexxi l-partit fil-Parlament bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Għada se jkun qed jiltaqa’ wkoll il-Kumitat Eżekuttiv fuq talba tal-Kap tal-Partit biex minn hemmhekk ukoll titfassal il-ħidma għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech elenka pjan ta’ ħidma għall-Partit Nazzjonalista li tikkonsisti fi:

  • Twaqqif ta’ bord editorjali sabiex il-messagg politiku tal-Partit ikun wiehed ikkordinat, aktar effettiv u efficjenti.
  • Programm organizzat ta’ żjarat u kuntatt man-nies.
  • It-tnedija tal-inizjattiva Talent Hub għal min jixtieq jikkontribwixxi bit-talenti tiegħu b’mod volontarju.
  • It-twaqqif tal-Forum għall-Ekonomija, Turiżmu u Finanzi.
  • Konferenza Nazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Immigrazzjoni biex inħejju l-bażi għal proposti nazzjonali.
  • It-tnedija tad-Dokument ta’ Qabel il-Budget.
  • Ħatra ta’ persuna bil-funzjoni li tikkordina l-ħidma għall-Programm Elettorali għall-elezzjoni ġenerali.
  • Inkomplu bil-ħidma dwar il-proposti tal-Gender Balance Mechanism.
  • Miżuri biex aktar nisa jkunu involuti fl-ogħla tmexxija tal-partit.
  • Insaħħu l-ġlieda sabiex inġibu lura t-tliet sptarijiet lura għand in-nies.
  • Mozzjoni biex titwaqqaf inkjesta pubblika indipendenti dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.
  • Proposti Parlamentart biex noftmu l-partiti politiċi mit-tentazzjonijiet ta’ donazzjonijiet illeċiti ta’ flus.

Bernard Grech qal li immedjatament se jiltaqa’ mal-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa u l-Edukazzjoni biex tissaħħaħ il-konribut tal-Oppożizzjoni fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 u nassiguraw l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Dan filwaqt li se jinsisti li tintrefa’ r-responsabbilta’ politika dwar l-imxija fid-djar tal-anzjani u jesiġi li tintrefa’ r-responsabbilta’ politika. Partit Nazzjonalista b’saħħtu se jkun ukoll tarka b’saħħitha u jkun fuq quddiemnett jara li ssaltna tad dritt tiġi mħarsa.

Il-PN jrid li isem Malta jerġa’ jsir sinonimu mal-ħolqien tal-ġid u t-tqassim ġust tiegħu, ħolqien tax-xogħol, ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda u mhux dak il-pajjiż li fih inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fejn intrebaħ il-premju għall-iktar politiku korrott fid-dinja, jew il-pajjiż li minnu ġej l-uniku Ministru li kellu ismu fil-Panama Papers. Bernard Grech qal li dawn huma biss l-ewwel ftit minn ħafna azzjonijiet li hemm bżonn il-partit u l-pajjiż jingħataw direzzjoni differenti, fejn il-bniedem ikun fiċ-ċentru tal-politika.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech irringrazzja lill-predeċessur tiegħu Adrian Delia għall-ħidma li wettaq fil-partit u fil-pajjiż matul dawn l-aħħar tliet snin, u stqarr li jemmen kif Adrian Delia għandu kontribut x’jagħti. Bernard Grech qal li lbieraħ intemmet ġirja bejn il-ħbieb u filwaqt li jaċċetta r-riżultat b’umilta’ u b’sens kbir ta’ responsabbilta’, rringrazzja lil kulħadd tal-fiduċja u enfasizza kif minn issa tibda t-tellieqa vera kontra avversarju preparat u b’saħħtu. Jien qiegħed hawn biex noffri tama ġdida lill-Partit Nazzjonalista qal Bernard Grech. Tħabbar ukoll li l-Ħadd 11 ta’ Ottubru se tiġi organizzata Maratona ta’ Ġbir ta’ Fondi.