Lokali

Rapporti ta’ każi pożittivi fl-iskejjel Maltin

Hekk kif ninsabu ftit jiem biss ‘il bogħod mill-ftuħ tal-iskejjel Maltin u Għawdxin, waqt li pajjiżna qed iħabbat wiċċu mal-pandemija tal-Covid-19, jidher li l-virus diġà qed ifeġġ wara l-bankijiet tal-iskola.

Dan wara li l-Union of Professional Educators – Voice of the Workers rrapportaw tal-inqas 5 każi, f’5 skejjel differenti. Allegatament fi skola privata li diġà fetħet il-bibien tagħha u bdiet tilqa’ l-istudenti. Mill-ewwel indikazzjonijiet, student fil-Form 3 ittestja pożittiv bil-persuni li għamlu kuntatt miegħu mħeġġa jagħmlu swab test mill-aktar fis.

Dan filwaqt li l-UPE żvelat ukoll li allegatament żviluppa każ ieħor qalb il-membri tal-istaff fil-Kulleġġ Maria Reġina f’taż-Żokrija fil-Mosta, każ ieħor fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun, magħruf aħjar bħala l-Liċeo, u każ partikolari ta’ LSE fil-Middle School tan-Naxxar.

Minkejja dan kollu, fuq il-midja Laburista l-Prim Ministru Robert Abela falla milli jindirizza mqar darba s-suġġett tal-ftuħ tal-iskejjel minkejja t-tħassib ta’ bosta ġenituri, nanniet u edukaturi.

Aktar minn hekk, meta mistoqsi minn Net News dwar is-suġġett tal-Edukazzjoni, huwa akkuża lil kull min għandu tħassib u qed ikun vociferu dwaru, bħala wieħed li jieħu gost bid-deni.