Lokali

Rikonoxximent għall-kontribut tagħhom fil-qasam tal-avjazzjoni

Il-Kaptan Robert Risso, bdot b’karriera illustri fil-qasam tal-avjazzjoni lokali kif ukoll meqjus bħala wieħed mill-persuni ewlenin għat-twaqqif tal-Crew Resourse Management f’Malta, ingħata rikonoxximent għall-karriera waqt il-MAviO awards.

Dan wara li ftit tal-jiem ilu, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ din iċ-ċerimonja ta’ premjijiet, mal-100 delegat inġabru fuq pjattaforma online għal din l-ewwel konferenza tal-avjazzjoni f’Malta.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Aviation Outlook (MAviO), Marvic Bugeja, saħqet li flimkien ma’ Radiosity Alpha ħadmu qatigħ sabiex din iċ-ċerimonja, unika fil-ġeneru tagħha, tirnexxa. Fost diversi webinars u numru sostanzjali ta’ kelliema, esperti f’dan is-settur, ingħataw ukoll premji ta’ rikonoxximent.

Apparti l-Lifetime Achievement award mgħoti lil Robert Risso, l-Air Wing AFM ingħata r-rikonoxximent tal-Bdot tas-Sena – ppreżentat lil-Logutenent Kurunell James Thomas Grech, dan filwaqt li r-rikonoxximent tal-Mexxej tas-Sena ingħata lil Clint Taliana.

Intant, fit-3 ta’ Mejju, 2021 – ser tkun qed tiġi organizzata l-MAviO Conference and Awards li ser jaħbat proprju l-10 anniversarju minn meta twaqqfet din l-attività unika fl-industrija lokali.