Lokali

Tlieta arrestati wara sejbiet ta’ droga

Tliet persuni kienu arrestati lbieraħ filgħaxija fi Ġnien Hastings wara li nstab li kellhom fil-pussess tagħhom id-droga. Huma nstabu għall-ħabta tas-7.20pm waqt rondi li kienu qed jagħmlu l-Pulizija tad-Distrett tal-Belt f’diversi akwati tal-kapitali u tal-Furjana.

Residenti tal-madwar irrappurtaw storbju f’dan il-ġnien pubbliku u fil-post issuspettaw f’żewġ żgħażagħ. Meta marru biex ikellmuhom, wieħed miż-żgħażagħ ipprova jaħrab, iżda twaqqaf mill-ewwel.

Għaldaqstant, il-membri tal-Korp bdew tfittxija fuq iż-żgħażagħ, b’wieħed minnhom – ta’ 19-il sena minn Santa Venera – instab li kellu fil-pussess tiegħu sustanza suspettat kannabis, crusher u oġġetti oħrajn relatati mal-użu tad-droga.

Fuq iż-żagħżugħ l-ieħor – ukoll ta’ 19-il sena iżda minn San Ġiljan – instab li kellu fil-pussess tiegħu seba’ pakketti b’sustanza suspettata kannabis, crusher, xafra żgħira u oġġetti oħrajn relatati mal-użu tad-droga, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.

Sadanittant, waqt aktar rondi, il-Pulizija waqqfet vettura li dehret suspettuża u li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 28 sena. Minn tfittxija li saret fuq il-vettura u fuq ir-raġel, il-membri tal-Korp sabu sustanzi suspettati droga eroina u kokaina, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.

It-tliet persuni kienu arrestat u qed jinżammu fil-Lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ, hekk kif aktar investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta