Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qegħdin jaħsbu biex jitkellmu fuq bażi regolari wara li huma qablu dwar ‘l-importanza’ li jaslu għal ftehim kummerċjali ta’ wara Brexit.
Filwaqt li r-Renju Unit qed iħejji biex jinħall darba għal dejjem mir-regoli tal-UE ladarba ( fi tmiem is-sena) jiskadi l-perjodu ta’ tranżizzjoni attwali, Johnson u Von der Leyen taw l-istruzzjonijiet lin-negozjaturi tagħhom biex ‘jaħdmu b’mod intensiv’ ħalli jonqsu d-differenzi li qegħdin ixekklu l-ftehim potenzjali.
In-negozjati dwar ftehim kummerċjali fil-futur bejn Londra u l-UE kienu waqfu nhar il-Ġimgħa mingħajr ftehim. Sadanittant, Johnson u von der Leyen, li fi tmiem il-ġimgħa tkellmu bit-telefon dwar is-sitwazzjoni, qablu li sar progress fit-taħditiet — iżda hu żgur ukoll li fadal l-ostakli sinifikattivi x’jingħelbu.
Ir-Renju Unit u l-UE qed iħeġġu lil xulxin biex jidħlu f’kompromessi dwar numru ta’ issues ewlenin – fosthom il-kwistjoni tas-sajd u s-sussidji tal-Gvern.
Intant, il-kelliema fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku f’Downing Street (Londra) qalu li Boris Johnson u Ursula von der Leyen it-tnejn jemmnu li hu kruċjali li jinstab ftehim kummerċjali sodisfaċenti għan-naħat kollha ‘bħala bażi qawwija għal relazzjoni strateġika futura (bejn l-UE u r-Renju Unit)’.
Min-naħa tiegħu, Lord Frost, li hu n-negozjatur ewlieni tar-Renju Unit fil-kwistjoni ‘Brexit’, qal li l-ħidma biex tindirizza d-differenzi bejn pajjiżu u l-UE ‘għandha tibda mill-aktar fis possibbli matul il-jiem li ġejjin’.
//= $special ?>