Il-Kap tal-PN Bernard Grech se jieħu l-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni nhar l-Erbgħa li ġej
Il-budget għas-sena 2021 se jkun ppreżentat fid-19 ta’ Ottubru 2020 waqt li l-Kap tal-PN Bernard Grech se jieħu l-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni nhar l-Erbgħa li ġej
Dan kien konfermat f’laqgħa tal-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra li ltaqa’ aktar kmieni llum.
Fil-laqgħa l-Gvern kien rappreżentat mill-Viċi-Prm Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru Edward Zammit Lewis u l-Whip Laburista Glenn Bedingfield waqt li għall-Oppożizzjoni pparteċipaw il-Viċi-Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius u l-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar. Il-laqgħa tmexxiet mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li qabel il-laqgħa kien għada lill-Oppożizzjoni l-programm tal-Gvern sal-Milied.
Fid-19 ta’ Ottubru 2020 fis-6 p.m. se jitressaq il-budget bil-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem fis-26 ta’ Ottubru 2020 u l-Prim Ministru jwieġeb l-għada 27 ta’ Ottubru 2020. Il-ħinijiet tad-diskorsi se jkunu ta’ sagħtejn.
L-Ispeaker qal li l-Kumitat għad irid jiddiskuti l-pjan finanzjarju għall-2020 u appella biex issir din id-diskussjoni bil-parteċipazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi. Kien propost li f’din id-diskussjoni jkun diskuss ukoll il-pjan għall-2021. L-Ispeaker qal li l-kumpanija RSM Malta se tingħata kuntratt ta’ sena għal servizzi ta’ accounts u l-implimentazzjoni tas-sistema ġdida.
Il-Whip Nazzjonalita Robrt Cutajar qal li fl-4.30 p.m. llum se jirriżenja Ivan J. Bartolo minn deputat Nazzjonalista, għada l-Kap tal-PN Bernard Grech se jieħu l-ġurament ta’ deputat Nazzjonalista u l-kariga uffiċjali tal-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni issir l-Erbgħa bil-ġurament fl-Uffiċċju tal-President biex wara Bernard Grech jidħol il-parlament bħala Kap tal-Oppożizzjoni.