Il-President ta’ Malta jifraħ lil Bernard Grech u jirringrazzja lil Adrian Delia

Il-President ta’ Malta jinnota bi pjaċir li ġie fi tmiemu l-proċess tal-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-President jifraħ lil Dr Bernard Grech għal din il-ħatra, li ġġorr magħha responsabbiltajiet mhux żgħar, u jawguralu li jagħti l-kontribut kollu tiegħu, kemm bħala kap tal-partit, kif ukoll fl-irwol kostituzzjonali ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, li mistenni jassumi dalwaqt. Dan sabiex il-ħidma tiegħu, kemm politika kif ukoll parlamentari, tkun dejjem bl-għan li naraw lil pajjiżna jimxi ’l quddiem, fl-aħjar interess taċ-ċittadini kollha.

Il-President jisħaq li, f’demokrazija ħajja, l-irwol ta’ Oppożizzjoni ppreparata u attiva, speċjalment fil-ħidma parlamentari, hija essenzjali u mistennija.

Fl-istess waqt, il-President jirringrazzja lil Dr Adrian Delia għas-servizz li ta lill-pajjiż f’dawn l-aħħar tliet snin bħala Kap tal-Oppożizzjoni, u jawguralu għall-futur.