Lokali Parlament

Il-Prim Ministru jwaħħal f’Bernard Grech u Adrian Dalia għas-sitwazzjoni tal-Moneyval!

Iffaċċjat bil-pressjoni tar-rapport Moneyval, il-Prim Ministru Robert Abela llum fil-parlament ipprova jitfa’ l-ħtija ta’ din is-sitwazzjoni fuq l-Oppożizzjoni; propju fuq il-Kap tal-PN Bernard Grech u l-ex-Kap tal-PN Adrian Delia.

Wara stqarrija ministerjali mil-Prim Ministru fil-parlament, l-Oppożizzjoni għamlet diversi mistoqsijiet.

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius tkellem dwar il-COVID-19 u rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu f’dan is-settur u wassal il-kondoljanzi lill-familjari tal-vittimi li mietu bil-pandemija. Hu qal li Malta għandha bżonn tanalizza s-sitwazzjoni tal-anzjani u staqsa jekk Malta hix assigurata minn ftehim dwar il-vaċċin tal-COVID-19.

David Agius qal li minn €2 biljuni mill-UE, Malta se tinvesti 20% fl-ekonomija diġitali; dan juri kemm kienet għaqlija d-deċiżjoni li Malta tissieħeb fl-UE. Hu appella biex ikun hemm iktar investiment f’dan is-settur.

Dwar it-Turkija Greċja u Ċipru, David Agius qal li d-diplomazija trid issolvi l-konfronti u staqsa xi rwol ħadet Malta biex ikun hemm il-paċi fil-Mediterran.

Dwar il-Konferenza dwar il-Lvant tal-Mediterran, David Agius staqsa meta se ssir u x’hemm fuq l-aġenda.

Hu tkellem dwar ir-relazzjoni mar-Renju Unit u staqsa jekk hemm diskussjonijiet dwar din it-transizzjoni. David Agius staqsa wkoll lill-Prim Ministru dwar id-diskussjonijiet mal-Amerika fuq SOFA.

Id-deputat Nazzjoalista Beppe Fenech Adami qal li bla dubju l-Prim Ministru hu konxju mill-katorsfi fit-turiżmu fil-pajjiż; liema sitwazzjoni setgħet ġiet evitata kieku l-gvern ma bagħtx il-messaġġi kollha ħżiena meta tneħħew ir-restrizzjonijiet wara l-ewwel mewġa tal-COVID-19.

Hu fakkar li l-Prim Ministru kien qal li l-pandemija għaddiet u li l-mewġ kien fil-baħar; fil-fatt sar dak kollu li pajjiżi oħra kienu qed jiskartaw. Dan wassal biex wara ġimgħtejn is-sitwazzjoni ħarbet minn idejn il-gvern biex issa saret sitwazzjoni traġika fejn n-nies qed imutu kuljum.

Il-Prim Ministru Robert Abela appella biex l-COVID-19 ma tkunx politiċizzata u qal li Malta se jkollha 330,000 vaċċin u wara se jkun hemm għall-populazzjoni jkollha iżda dan mhux se jkun obbligatorju. Hu qal li jekk hemm bżonn il-gvern jinvesti iktar fl-ekonomija diġitali.

Dwar is-SOFA, il-Prim Ministru qal li l-gvern ma ffirma ebda ftehim tas-SOFA u ċaħad li kien hemm rabta bejn is-SOFA u r-rapport tal-Moneyval. Hu kompla li l-gvern għamel minn kollox biex Malta tgħaddi mill-Moneyval u kompla li l-Kummissarju tat-Taxxa qed jidħol fi ftehim dwar nuqqas ta’ ħlasijiet fit-taxxa flok jieħu passi. Dan hu wieħed min-nuqqasijiet ewlenin, sostna l-Prim Ministru.