Lokali Qorti

Illiberat għax ħadd ma kkonferma li kien l-akkużat li daħal f’karozza u darab mara f’inċident tat-traffiku

Il-Qorti tal-Maġistrati lliberat żagħżugħ ta’ 23 sena minn Birkirkara minħabba nuqqas ta’ provi fuq każ ta’ inċident tat-traffiku li fih sewwieq daħal fuq mara li kienet wiefqa bil-karozza. Il-mara weġġgħet ħafif bis-sewwieq jaħrab b’veloċità qawwija minn fuq il-post.

Kemm il-vittma kif ukoll persuni oħra li xehdu f’dan il-każ ma kienux ċerti mija fil-mija li kien Leon Borg li kien qed isuq karozza BMW u baqa’ dieħel f’karozza oħra li spiċċat ‘total loss’. L-inċident kien seħħ fl-1 ta’ Ottubru tal-2016.

Borg kien qed jiġi mixli fost oħrajna li kkaġuna ħsara fil-karozza, li saq b’manjiera perikoluża u bla liċenzja tas-sewqan u polza tas-sigurtà u li fost affarijiet oħra bagħabas fil-pjanċi ta’ reġistrazzjoni. Kien qed jiġi mixli wkoll li ta nformazzjoni skoretta lill-Pulizija dwar l-identità tiegħu.

Janica Marie Leaney xehdet quddiem il-Maġistrat Simone Grech fejn qalet li waqt li  kienet wieqfa fit- traffiku bil-karozza tax-xogħol, minn naħa ta’ wara semgħet  tgħaqid tar-roti u x’ħin ħarset mill-mera, rat karozza ġejja għal fuqha b’veloċità qawwija.

Tenniet li kienet sejra lejn id-direzzjoni ta’ Santa Venera minn Birkirkara u qalet li ħasset li din il-karozza kienet se tibqa’ dieħla fiha. l-vettura għaddiet bejn il-karozza tagħha u karozza oħra li kien hemm maġenbha. Sostniet li qabel ma’ għadda minn bejn il-vetturi, huwa baqa’ dieħel minn wara fil-karozza tagħha u kaġun ta’ dan splodewlha t-tyres.

Qalet ukoll li din il-karozza kienet BMW b’kulur skur. Dwar is-sewwieq hija rat li kellu tattoo fuq in-naħa tax-xellug ta’ għajnejh u kellu wkoll f’għonqu u ma’ jdejh.

Madanakollu, mistoqsija tagħrafx lill-imputat bħala s-sewwieq, hija qalet li ma kinitx ċerta, imma probabbli s-sewwieq huwa l-imputat. Ikkonfermat li l-karozza li kienet qed issuq, kienet tal-kumpanija u mhux tagħha personali.

Il-vettura ġarrbet ħsarat tant li spiċċat ‘total loss’. Kaġun tal-inċident, hija sofriet uġigħ f’dahrha. Madankollu qalet li m’għandha l-ebda interess fir-rigward tal-akkuża mressqa dwar ġriehi li sofriet u fil-fatt rrinunzjat li tieħu passi.

Ikkonfermat li fil-karozza magħha, kien hemm missierha. Sostniet li qatt ma kellha l-opportunità li tkellem lil dan is-sewwieq.  Missier il-vittma qal fil-Qorti li kien flimkien ma’ bintu meta seħħ l-inċident, u li dan ġara fejn ħanut taż-żraben f’Valley Road, Birkirkara.

Spjega li bintu kienet qed tistenna wara karozza oħra, meta semgħu twerżieq ta’ tyres. Il-karozza misjuqa minn bintu, sofriet ħsarat fil-bumper ta’ wara u fir-rota. Is-sewwieq li ħabat mal-vettura ta’ bintu baqa’ sejjer.

Mitlub jħares madwaru biex jara jagħrafx is-sewwieq, huwa qal li mhux jagħraf lil dan is-sewwieq peress li għadda ħafna żmien. Qal li mara oħra involuta fl-inċident kellha xokk qawwi.

Din xehdet ukoll u spjegat li hija kienet fil-karozza mar-raġel u f’daqqa waħda, ġiet karozza bejn il-vettura tagħha u l-vettura l-oħra li kienet fil-karreġġjata l-oħra tat-triq. Spjegat li dan is-sewwieq baqa’ sejjer. Sostniet li hija kellha xokk kbir. Il-vettura tagħha ma sofriet l-ebda ħsarat.

Mistoqsija jekk tagħrafx is-sewwieq, hija qalet li taħseb li hu l-imputat, iżda mhiex ċerta. Xhud ieħor kien Joseph Ciantar li qal li huwa kien niżel minn fejn ir-Roxy bil-karozza, u kien hemm karozza oħra tiela’ mill-karreġġjata l-oħra.

F’daqqa waħda daħlet karozza oħra bejniethom. Din il-karozza waqfet għal ftit, u mbagħad telqet. Spjega li huwa kien sejjer għal Wied ta’ Birkirkara. Qal li l-karozza tiegħu ma ntlaqtitx, iżda l-karozza ta’ ħdejhom intlaqtet fil-ġenb tagħha fuq in-naħa tax-xufier. Ikkonferma li l-inċident seħħ filgħodu.

Spjega li l-mara tiegħu kellha xokk qawwi. Sostna li din il-vettura kienet għaddejja b’veloċità.   Il-Qorti qieset il-provi miġbura fejn irriżulta li ħadd mix-xhieda li kienu preżenti waqt l-inċident ma setgħu jagħrfu b’ċertezza li s-sewwieq involut f’dan l-inċident stradali, kien limputat. Ħadd minnhom ma seta’ jikkonferma dan b’ċertezza.

In vista ta’ dan, minkejja l-kontenut tal-Full Road Traffic Accident Report, u minkejja l-affidavit ippreżentat mill-uffiċjal tal-pulizija li nvestiga l-każ, il-Qorti qalet li mhijiex konvinta lil hinn minn kull dubju raġjonevoli, li kien proprju l-imputat li kien is-sewwieq tal-vettura in kwistjoni fil-ħin li seħħ dan l-inċident. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Qorti illiberat lil Leon Borg minn kull akkuża u ħtija.