Internazzjonali

In-Nobel għall-Mediċina: Onorati għall-iskoperta tal-Hepatites C

Tliet xjenzati li skoprew il-virus Hepatitis C rebħu l-Premju Nobel tal-2020 għall-Mediċina jew Fiżjoloġija.

Ir-rebbieħa huma x-xjenzat Britanniku, Michael Houghton u r-riċerkaturi Amerikani Harvey Alter u Charles Rice – bil-Kumitat tal-Premju Nobel isostni li x-xogħol u l-iskoperti tagħhom salvaw il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies.

Il-virus Hepatitis C hu kawża komuni tal-kanċer u raġuni ewlenija għalfejn ħafna pazjenti jkunu jirrikjedu trapjant tal-fwied.

Matul is-snin sittin kien hemm tħassib kbir li l-persuni li kienu qegħdin jingħataw id-demm kienu qed jiżviluppaw tip kroniku ta’ hepatitis ( infjammazzjoni tal-fwied) minn marda misterjuża.

Il-kelliema għall-Kumitat tal-Premju Nobel, fl-aħħar sigħat, qalu li ‘persuna li dak iż-żmien ingħatat trasfużjoni tad-demm kienet qed tilgħab, litteralment, b’ħajjitha’. Intant, it-testijiet tad-demm sensittivi (li kienu introdotti tul is-snin) ifissru li dawn il-każi huma eliminati f’ħafna partijiet tad-dinja. Dan meta kienu żviluppati wkoll il-mediċini ‘anti viral’ effettivi.

‘Għall-ewwel darba fl-istorja, il-marda, issa, tista’ tkun ikkurata u hemm anki tamiet li d-dinja, ‘il quddiem, tkun kapaċi telimina l-virus tal-Hepatitis C’, komplew il-kelliema għall-Kumitat.

Sadanittant, il-virus inkwistjoni xorta għadu qed jinfetta mas-70 miljun persuna fis-sena minbarra li qed joqtol medja ta’ 400,000.