“Qed nirriżenja biex il-pajjiż ikollu Oppożizzjoni iktar b’saħħitha; pass li jfisser li se nkun iktar attiv fil-politika biex jissaħħaħ il-PN” – Ivan J.Bartolo
L-impenditur Ivan J.Bartolo irriżenja minn deputat Nazzjonalista biex il-Kap il-ġdid tal-PN Bernard Grech ikun co-opted fil-parlament u jkun maħtur Kap tal-Oppożizzjoni.
F’diskros fil-parlament Ivan J.Bartolo tkellem dwar l-importanza tal-pożittività fil-politika u qal li din id-deċiżjoni ma kienitx waħda diffċli għalih għaliex l-iskop tiegħu dejjem kien li jservi lill-poplu.
Ivan Bartolo qal li jrid li l-Oppożizzjoni tkun iktar b’saħħitha. Hu rringrazzja lil Adrian Delia tal-kontribut tiegħu fil-politika u tal-opportunità li tah li jikkontribwxxi fil-parlament, lill-Whip Robert Cutajar u lill-Ispeaker Anġlu Farrugia flimkien mal-istaff tal-parlament għall-prfessjonalità tagħhom.
L-Ispeaker Anlu Farrugia qal li Ivan Bartolo wera l-professjonalità tiegħu u kien deputat validu iżda hu jifhem il-pożizzjoni li ħa Ivan J.Bartolo.
Fl-ittra tiegħu ta’ riżenja Ivan J.Bartolo qal li jemmen li hemm bżonn Oppożizzjoni effettiva biex isseħħ il-governanza tajba u biex il-gvern ikun skrunitizzat. Id-demokrazija tesiġi li l-Oppożizzjoni tikseb il-fduċja tal-poplu.
Dan il-pass qed nagħmlu propju biex l-Oppożizzjoni twettaq dawn il-funzjonijiet aħjar wara li Bernard Grech kien elett Kap tal-PN. Dan qed isir propju biex Bernard Grech isir deputat u Kap tal-Oppożizzjoni.
Hu tkellem ukoll dwar l-importanza tal-istituzzjonijiet u sostna li dan il-pass ifisser impenn iktar attiv u ikbar fil-poltika Maltija biex isiru l-bidliet fil-PN għall-ġid tal-poplu.
Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius rringrazzja lil Ivan Bartolo u qal li dan mhux it-tmiem iżda l-bidu tat-triq fil-kontribut ta’ Ivan J.Bartolo fil-politika. Hu qal li bla dubju l-pajjiż se jkun qed jagħmel l-aħjar użu mill-kapaċitajiet ta’ Ivan Bartolo.
//= $special ?>