Lokali Qorti

Konrad Mizzi jitlef tliet libelli dwar skandlu fuq tbagħbis ta’ ‘smart meters’

L-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi tilef tliet libelli li huwa stess kien għamel kontra l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u l-eks Ministru Nazzjonalista George Pullicino, b’rabta ma’ tbagħbis fl-ismart meters.

L-allegazzjonijiet kienu jorbtu lil Konrad Mizzi ma’ eks uffiċjal tal-Enemalta, fl-involviment ta’ racket tal-ismart meters. Konrad Mizzi kien ħassu malafamat fuq kummenti dwar il-korruzzjoni li kienet għaddejja b’rabta mal-ismart meters.

Konrad Mizzi kien allega li dawn kienu xejn għajr “teorija ta’ konspirazzjoni ”mill-Partit Nazzjonalista biex jattakka lil Konrad Mizzi. Il-każijiet kienu jikkonċernaw kummenti li saru fl-2014 li Mizzi kien viċin uffiċjal għoli tal-Enemalta, u li dan ingħata trattament preferenzjali meta ġie akkużat b’tbagħbis ta ’smart meters.

“Il-verità se toħroġ,” kiteb Pullicino fuq post li huwa tella’ fuq facebook, filwaqt li Fenech Adami qal li din ir-rebħa kkonfermat ukoll li huwa kellu raġun li jsejjaħ lil Konrad Mizzi “korrott” dak iż-żmien.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Victor Axiaq qal li l-kummenti tal-esponenti tal-Partit Nazzjonalista ma kienux malafamanti u għalhekk ma laqgħetx it-talba li ppreżenta Konrad Mizzi biex jingħata danni minħabba li ismu tħammeġ għal xejn.

Il-kawżi ta’ libell kienu ppreżentati minn Konrad Mizzi li huwa magħruf għall-kontijiet sigrieti tiegħu fil-Panama u l-kuntratti tal-isptarijiet, imorru lura għall-2014. Ftit wara li faqqa’ skandlu ieħor, dak tat-tbagħbis tal-ismart meters.

Il-każ kien jiċċentra dwar persuna li kien jingħad li hija “qrib il-Ministru Mizzi” u li din kienet involuta fl-iskandlu. Kien allegat li Louis Attard kien jagħmel parti mit-tim fil-kampanja ta’ Konrad Mizzi għall-elezzjoni ġenerali, argument li Mizzi dejjem ċaħad.

L-istorja kienet iddur madwar Louis Attard, uffiċjal impjegat fid-dipartiment tal-kontijiet tal-Enemalta, u li aktar informazzjoni dwar dan kien ingħata mid-Deputat Beppe Fenech Adami u l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, f’żewġ okkażjonijiet separati fuq il-programm Dissett fuq TVM.

L-eks deputat tal-PN George Pullicino kien tkellem ukoll dwar l-involviment ta’ dan l-uffiċjal fl-iskandlu u t-trattament preferenzjali li dan kien jingħata, waqt konferenza stampa fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Attard, li kien nstab ħati ta’ serq tal-elettriku u ġie kkundannat 14-il xahar ħabs sospiżi għal 28 xahar kien deskritt bħala l-‘ispjun’ tal-Ministru jew aħjar ‘il-widna’ fl-Enemalta, u li kien ġie proċessat kriminalment minħabba l-involviment tiegħu fir-rakkett tal-ismart meters.