Lokali

L-għalliema jistħoqqilhom rispett bil-fatti kuljum u mhux bil-paroli – PN

Fil-Jum Dinji għall-Għalliema, bit-tema Teachers: Leading in Crisis, Reimagining the Future, l-Partit Nazzjonalista jsellem lill-għalliema u lit-timijiet tat-tmexxija tal-iskejjel kollha f’dan iż-żmien ta’ sfida. L-għalliema jistħoqqilhom rispett bil-fatti kuljum u mhux bil-paroli biss għaliex matul is-snin u fl-aħħar xhur waqt il-pandemija urew is-sens ta’ dedikazzjoni u l-professjonalita’ tagħhom meta pajjiżna u uliedna l-aktar li kellhom bżonnhom.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli stqarr li l-għalliema fl-aħħar xhur kienu tassew professjonisti li mexxew waqt kriżi u rrimmaġinaw il-futur meta ħadu inizzjattivi minn jheddom biex jindirizzaw is-sitwazzjoni li ġabet magħha l-pandemija u sabet Gvern li ma kienx ippreparat għal remote learning. L-għalliema ma’ kienx jistħoqqilhom kliem li jonqoshom mir-rispett jew botti mill-Ministru li jnaqqsilhom mill-integrita’ tagħhom mal-pubbliku.  Rispett bil-fatti jitlob kampanji edukattivi li jippromwovu lir-rwol tal-għalliem bħal professjonist fis-soċjeta’ tagħna.

L-għalliema huma professjonisti u protagonisti ewlenin tal-edukazzjoni u għaldaqstant għandhom jitqiesu bħala stakeholders importanti f’kull deċiżjoni li tikkonċerna l-edukazzjoni. Rispett bil-fatti jfisser li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ma’ jistax jibqa jimxi għal rasu u jinjora lill-għalliema fid-deċiżjonijiet li jieħu f’dan il-qasam daqstant importanti.

Ir-rwol tal-għalliema fiż-żminijiet tal-lum qed isir wieħed dejjem aktar kumpless. Fl-aħħar snin rajna aktar għalliema jitilqu l-professjoni tagħhom u aktar għalliema li jgħidu li s-sistema qeda’ kull ma jmur tiddemotivahom.  Rispett bil-fatti jfisser li l-għalliema jingħataw aktar appoġġ, aktar inċentivi u aktar taħriġ. Il-professjoni tal-għalliem jeħtieġ tiġbed lejha aktar żgħażagħ li jagħżlu l-professjoni tal-għalliema. Fl-aħħar snin rajna li madwar nofs l-għalliema f’Malta li jgħallmu fi skola primarja u upper secondary kellhom bejn 50 u 54 sena. Rispett bil-fatti jitlob investiment fil-kundizzjonijiet tal-għalliema preżenti, inċentivi li jħajjru aktar żgħażagħ jidħlu għall-professjoni u kampanji edukattivi li jgħallmu r-rispett.