Nature Trust mhijiex sorpiża għall-fatt li l-Gvern kklassifika fit-8 post mill-aħħar għas-sostenibbiltà ambjentali fost 60 destinazzjoni, għaliex fl-aħħar snin, it-tmexxija f’Kastilja nesiet għalkollox ‘l-ambjent.
L-għaqda fi stqarrija qalet li r-rgħejba rikbet kwalunkwe interessi għal żvilupp sostenibbli, bl-ispazji ħodor miftuħa nbelgħu mill-iżvilupp esaġerat.
Irrimarkat kif bin-nuqqas ta’ viżjoni u strateġija li għandhom il-mexxejja tal-pajjiż b’rabta mat-trasport sostenibbli, il-livelli tal-kwalità tal-arja ħadu tisbita kbira, anki għaliex tqaċċtu s-siġar miċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula tagħna biex jagħmlu l-wisa għal aktar toroq u bini għoli.
Nature Trust ilmentat kif l-infurzar tal-liġijiet ambjentali f’pajjiżna mhu xejn għajr daħka f’wiċċ il-poplu Malti, bil-Gvern juża b’mod qarrieqi l-frażi ‘żvilupp sostenibbli’ hekk kif qiegħed jeżalta biss lill-ekonomija a skapitu ta’ kwistjonijiet soċjali u ambjentali.
Tant kemm l-ambjent qiegħed jiġi kkalpestat mill-awtoritajiet li l-ftit spazji ħodor kif ukoll siti ta’ Natura2000 qed jaffaċċjaw elf problema ma’ wiċċhom, fosthom pressjoni biex dawn jiġu żviluppati, tniġġis tal-arja, rimi ta’ skart illegali, sewqan off-road u nies li jikkapparaw dawn iż-żoni ambjentali.
Nature Trust akkużat lill-Gvern li f’din il-pandemija qed jibqa’ jippersisti bil-kampanja tiegħu li jeqred għalkollox il-ġmiel arkitettoniku u naturali ta’ pajjiżna meta pajjiżi oħra qed jagħżlu li jinvestu fl-eko turiżmu u swieq turistiċi li jippromwovu l-patrimonju kulturali.
Anki l-industrija tad-diving, skont l-għaqda ambjentali, qed taffaċċja din it-theddida, kawża ta’ prattiċi illegali fis-sajf, bl-ekoloġija marittima jkollha tfendi għal rasha mingħajr infurzar tal-liġi u l-liġijiet infushom li jipproteġuha.
Dan bil-kontra tal-ftit siti ambjentali, amministrati mill-għaqdiet ambjentali, li jitħabtu mhux ftit biex iżommuhom fl-aħjar u l-isbaħ stat possibli biex jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Nature Trust tittama li l-Gvern mill-kliem fieragħ tiegħu fuq l-ambjent jgħaddi għall-fatti fil-Budget li jmiss hekk kif fl-aħħar snin, il-Budget għall-ambjent fi snin precedenti…kien biss eżerċizzju fqir biex jgħatti l-problemi reali.
//= $special ?>