L-Armenja u l-Ażerbajġan it-tnejn qegħdin jakkużaw lil xulxin dwar ‘attakki indiskriminattivi’ fuq iz-zoni ffullati b’ċivili. Dan meta l-aħħar fażi tal-konflitt bejn il-qawwiet tal-Istati rispettivi qed tiżviluppa fl-aktar waħda qattiela fir-reġjun tan-Nofsinar tal-Kawkasu għal aktar minn nofs-seklu.
L-aħħar konfronti dwar ‘id-dritt għall-kontroll’ fuq ir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh irriżultaw f’mijiet tal-maqtula, bil-ġlied qed jintensifika. Intant, il-prospetti għal waqfien mill-ġlied qed jidhru dejjem aktar remoti wara li l-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev, għamel diskors iebes fejn ħalef li ‘mhux se jċedi pulzier’ fiċ-ċirkustanzi.
It-territorju ta’ Nagorno-Karabakh ( qalb il-muntanji) hu meqjus bħala parti mill-Ażerbajġan skont il-liġi internazzjonali – madankollu l-art ilha s-snin okkupata u mmexxija mill-Armeni etniċi.
Waqt li d-dmija ma naqsitx fl-aħħar sigħat, il-President Aliyev qal, waqt diskors lil pajjiżu, li l-qawwiet Ażeri kienu qed ‘javvanzaw u jieħdu lura l-artijiet li kienu ntilfu lill-Armeni-etniċi waqt l-ostilitajiet tas-snin disgħin.’
Għalkemm l-Armenja qed tiċħad dan id-diskors bħala ‘infondat’, Aliyev qed jagħmilha ċara li l-Ażerbajġan mhux se jieqaf mill-azzjoni militari sakemm l-Armeni jirtiraw minn Nagorno-Karabakh u t-territorji ‘tal-Ażeri’ fil-madwar.
Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali mal-Ministeru tad-Difiża Armen qalu li ‘filwaqt li mhemmx dubju li jinsabu fi gwerra qalila, mhumiex qegħdin jaraw xi theddida immedjata għal Yerevan (il-belt kapitali tal-Armenja).’
Il-konflitti attwali komplew iqajjmu tħassib fuq livell internazzjonali u meta mhumiex esklużi konsegwenzi serji ħafna għall-istabbilità fin-Nofsinar tal-Kawkasu – fejn network ta’ pipelines qed iwassal iż-żejt u l-gass mill-Ażerbajġan lejn is-swieq tad-dinja.
Hemm ukoll theddida reali li pajjiżi oħrajn – potenzi fir-reġjun – jissieħbu fil-konflitt. Dan meta l-Ażerbajġan qed jingħata s-sostenn mit-Turkija u meta l-Armenja għandha patt tad-difiża mar-Russja.
Fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet f’Nagorno-Karabakh qalu li l-qawwiet Ażeri sparaw ir-rokits lejn Stepanakert – iċ-ċentru amministrattiv tat-territorju – u fejn intlaqtet ukoll il-belt ta’ Susha. Intant, il-kelliema għall-Ażerbajġan wieġbu li l-Armata tal-Armenja sparat il-missili lejn diversi bliet ftit ‘il hinn mir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh.
Is-sorsi militari tal-Armenja, wara, enfasizzaw li ‘il-ġlied feroċi ma battiex’ waqt li ċaħdu ‘il-misinformazzjoni’ tal-Ażeri, fis-sens li l-qawwiet Armeni kienu bumbardjaw ‘bi ħsieb’ iz-zoni fullati bin-nies flimkien mal-infrastruttura ċivili tal-Ażerbajġan.
//= $special ?>