Lokali

Prim Ministru li ma jridx jiddiskuti xejn mill-issues li qed jinkwetaw lill-poplu Malti

“Dan Prim Ministru li jrid biss ritratt tal-okkażjoni u ma jrid jiddiskuti xejn mill-issues li qed jinkwetaw lill-poplu Malti u Għawdxi.” Dan tennieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech b’riferenza għall-kummenti li ta l-Prim Ministru Robert Abela. 

Bernard Grech qal li l-Gvern fl-aħħar stenbaħ u ħabbar investigazzjoni fuq dak li għaddej fid-djar tal-anzjani li ħalla numru ta’ mwiet.  Qal li din l-investigazzjoni messha ilha li saret u llum missna qed nitkellmu fuq soluzzjonijiet u mhux għadna se nibdew ninvestigaw.  Grech reġa tenna li s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika u jwarrab u dan jagħmlu b’apoloġija lejn il-familjari li tilfu l-għeżież tagħhom.  “Jekk hu ma jitlaqx għandu jneħħieh il-Prim Ministru” sostna Bernard Grech.

Bernard Grech irrefera wkoll għall-istqarrijiet maħruġa llum mill-Unions tal-Għalliema li qed jappellaw lill-Gvern biex jerfa’ r-responsabbilta’ politika tal-inċertezza li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri kawża taż-żieda fil-każijiet tal-Covid.  Dan hu dak li qed jinkwieta lin-nies, tenna Bernard Grech. Hu ħabbar li hu se jitlob laqgħa mal-unions tal-għalliema biex jisma mingħandhom u wiegħed l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista. Hu sellem lill-għalliema tax-xogħol imprezzabbli tagħhom fil-jum iddedikat lilhom.

Il-Prim Ministru lanqas ma jrid jiddiskuti l-kuntratt tal-Electrogas u fakkarna fil-predeċessur tiegħu u llum konsulent tiegħu, Joseph Muscat li wkoll kien jipposponi l-investigazzjonijiet u jitfa’ kollox taħt it-tapit.  “Ilkoll nafu dan għalxiex wassal”, tenna Bernard Grech.

Bernard Grech qal li l-Prim Ministru issa qed jara f’min se jwaħħal għall-issues imqajmin mill-Moneyval.  “Il-Prim Ministru kien konsulent tal-kabinett għal snin sħaħ meta l-Gvern immexxi minn sieħbu Joseph Muscat għamel ħerba minn isem Malta u mir-reputazzjoni tagħha”, sostna Bernard Grech.  “Għax faċli tgħid li int kburi b’pajjiżek imma mbagħad tkun kompliċi fl-iktar Gvern korrott li qatt kellu pajjiżna”.

Dwar l-immigrazzjoni, il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li ssir konferenza nazzjonali hija intiża li ġġib flimkien l-istakeholders kollha – politiċi, MEPs u rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, Kunsilli Lokali, awtoritajiet,  unjons, employers, soċjetà ċivili, għaqdiet. Irridu li b’mod informat u oġġettiv nevalwaw is-sitwazzjoni u nħejju l-bażi għal proposti nazzjonali  bi djalogu ma’ kulħadd. Aħna nemmnu li s-soluzzjonijiet għal din is-sitwazzjoni għandhom jissawwru bl-aħjar konsensus nazzjonali possibbli.