Tliet irġiel marru seba’ snin u nofs ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li wettqu hold-up fuq mara waqt li kienet għal kwiet fir-residenza tagħha. Is-serqa saret wara li l-irġiel aggredewha u heddewha u wara ħarbu b’kollox b’ammont ta’ flus u ġojjelli.
Patrick Mangion ta’ 47 sena, Mark Anthony Cardona ta’ 43 sena, Ryan Briffa ta’ 30 sena u Michael Mifsud ta’ 55 sena nstabu ħatja li fil-11 ta’ Jannar 2019 ikkommettew serqa b’dannu għall-familja Sammut, li żammew lil Anna Sammut kontra l-volontà tagħha u ikkaġunawlha ġrieħi ħfief.
Huma nstabu ħatja li wettqu serqa minn dar f’Ħal Qormi u li kienu mgħammda. Wieħed minnhom kien qal lill-vittma li huwa pustier, bil-mara temmen u fetħet il-bieb. It-tlieta daħlu fuqha, heddewha b’sikkina, tawha daqqa f’ġenbha u ħallewha mitluqa għal riħa u marbuta.
Il-mara tat deskrizzjoni tal-istatura tal-irġiel u dak li kienu lebsin, u li kellhom f’wiċċhom kalzetti trasparenti. Qalet li wieħed minnhom kien liebes tracksuit tal-Puma, li l-Pulizija sabet fl-appartament ta’ Mangion.
Fl-indana tat-taraġ il-mara sabet beritta li għaddieta lill-Pulizija. Minn testijiet tad-DNA li saru fuq il-beritta ħareġ li din kien fiha l-profil ġenetiku ta’ Mangion u ta’ persuna oħra li l-Pulizija ma identifikatx.
Mid-dar insterqu mal-€5,400, li jinkludu flus li kienu ġew imwarrba għal irħama ta’ qabar. Insterqu wkoll diversi ġojjelli, foshom disa’ pari imsielet, barbazzal, barzuletta, ħames ġiżirajjen, lira tad-deheb, 16-il ċurkett, u ħames limi tad-deheb.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ħadet inkunsiderazzjoni kif wara s-serqa l-mara baqgħet trawmatizzata b’diżabbiltà u li wkoll sofriet diżabilità’ 10%. Il-Qorti ddeskriviet dan ir-reat bħala wieħed kiefer u bla qalb u tal-biża.
Is-sentenza tgħid li ma kienx hemm dubju dwar is-sehem tal-ħallelin f’din is-serqa. Qalet li ż-żmien tal-opportunitajiet u ħniena għal Mangion għadda u issa jrid iħallas ta’ għemilu.
Il-Qorti rrimarkat li din kienet serqa mwettqa bi vjolenza fejn il-vittma mhux biss inserqulha oġġetti ta’ valur imma anke s-serenità u s-saħħa. Qieset il-fatt li l-fedina kondotta ta’ Mangion hija waħda “voluminuża” u li għalkemm intbagħat il-Ħabs baqa’ ma tgħallimx.
Żmien l-opportunitajiet issa għadda u wasal iż-żmien li Mangion iwieġeb għal dan l-att kodard, att t’aggressjoni mwettaq kiesaħ u biered fuq l-innoċenti, kompliet tgħid il-Qorti.
Żiedet li s-serqa turi attitudni ta’ bniedem li mingħalih jista’ jagħmel li jrid b’impunità u li ma iddejjaq xejn iwerwer mara biex jisraqha. Fuq Cardona irrimarkat li dan mhux xi ‘first-time offender’ u mhux l-ewwel darba li rifes l-għatba tal-Qorti.
Il-Maġistrat Frendo Dimech sostniet li anke hu ma ħax l-opportunitajiet li ngħata biex jirriforma u sostniet li ma tistax tifhem kif ġuvni li minn fuq ir-ritratti fuq it-telefon ċellulari jidher kuntent imdawwar mill-familja u annimali seta jwettaq att kodard u krudili.
Fir-rigward ta’ Briffa hija qalet li l-kondotta tiegħu “tagħti stampa disturbanti tal-passat kriminuż tiegħu fejn lanqas mill-inkarċerazzjoni ma tgħallem”.
Hija saħqet li huwa għandu “numru ma jispiċċa qatt ta’ reati fejn il-menefregiżmu għall-awtorità u għal-liġijiet hu wieħed lampanti”. Il-Maġistrat Frendo Dimech żiedet li l-irġeil ma wrew ebda rimors għal dak li għamlu jew ippruvaw jikkumpensawha.
Waqt li irrimarkat li “kull membru tas-soċjetà huwa Anna Sammut potenzjali”, l-Qorti kkundannat lil ħatja talli “stupraw is-sigurtà ta’ darha” u ħallewha mal-art.
Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, huwa kien ordnat iħallas €1,688 fi spejjeż peritali u €1,800 lill-vittma bħala terz tal-flejjes misruqa. Il-Qorti kkritikat il-fatt li l-Prosekuzzjoni ma ressqitx provi biżżejjed dwar it-telefonati li saru bejn Mangion u persuni oħra involuti fis-serqa, u li minn dan l-aspett l-iskrutinju mill-Avukat Ġenerali ma sarx kif dovut.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Roderick Agius.
//= $special ?>