Lokali

Sirjan isofri ġrieħi serji f’argument

Ilbieraħ, għall-ħabta tad-8:45pm, il-Pulizija ġiet infurmata min xi persuni li fil-viċinanzi tal-Għassa tal-Pulizija kienu raw xi argument bejn xi persuni u li kien hemm xi demm mal-art.

Il-Pulizija tad-Distrett marret immedjatament fil-post indikat lilha fejn ġie nnutat xi demm malart. Ftit ħin wara, l-Pulizija ġew infurmati mill-Isptar Mater Dei li kien għadu kif daħal persuna li kien involut f’argument fejn intużat arma li taqta’ u bil-ponta. Minn investigazzjonijiet ulterjuri li saru rriżulta li r-raġel, li huwa Sirjan ta’ 24 sena, kien involut f’argument ma’ xi persuna oħra fi Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura, fejn allegatament sofra xi ġrieħi minħabba li kienet intużat arma li taqta’ u bil-ponta. Il-persuna l-oħra telqet minn fuq il-post.

Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei min xi familjari għall-aktar kura meħtieġa u iktar tard ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

Fl-aħħar ħin, il-Pulizija arrestat l-allegat aggressur, raġel Sirjan, b’konnessjoni ma’ dan il-każ li seħħ fi Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura. Huwa qiegħed jassisti fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin mill-Pulizija tad-Distrett u mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri.