Internazzjonali

Stati Uniti: Donald Trump ‘lest biex jirritorna’ għax-xogħol….

Il-President Amerikan Donald Trump mistenni jirritorna fil-White House wara li l-kundizzjoni tiegħu kompliet taqleb għall-aħjar. Trump kien ittestja pożittiv għall-coronavirus matul il-ġimgħa li għaddiet iżda issa beda juri titjib sinifikanti, minkejja r-rapporti  dwar  ‘kumplikazzjonijiet’ , fi tmiem il-ġimgħa.

It-tobba li kienu intervistati qalu li Donald Trump ‘jidher li sejjer tajjeb bit-trattament li qed jingħatalu’,  u meta l-President għaddej bil-kuntatti kontinwi mal-Kap tal-Istaff tiegħu, Mark Meadows.

Aktar tard mistennija jsiru l-laqgħat bejn Donald Trump, Mark Meadows u t-tobba biex ikun evalwat il-progress li qed juri l-President.

L-istess Mark Meadows, fi tmiem il-ġimgħa, kien ħareġ bi pronostiku inkwetanti dwar il-kundizzjoni ta’ Trump fejn irrefera għal ‘indikazzjonijiet ferm preokkupanti’ relatati mal-effetti tal-virus.

Madankollu, it-Tabib tal-White House, Dean Conley, wara, ħareġ b’analiżi ħafna aktar pożittiva dwar il-kundizzjoni tal-President, li baqa’ juri t-titjib matul il-lejl tal-Ħadd.

Sadanittant, hemm ukoll element ta’ xettiċiżmu dwar il-prospetti li Donald Trump jintbagħat lura d-dar ( mill-isptar) ‘fi kwistjoni ta’ sigħat’. Dan fost rapporti li l-President Amerikan kien ingħata trattament għal ‘nuqqas ta’ ossiġinu’ flimkien ma steroid li s-soltu jkun preskritt għall-‘każi serji’.