Internazzjonali

‘Wieħed minn kull għaxra’ fid-dinja setgħu qabdithom il-virus, skont il-WHO

Madwar persuna fost kull għaxra fid-dinja setgħu spiċċaw infettati bil-coronavirus ġdid– bil-konsegwenza li l-maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni dinjija spiċċat vulnerabbli għall-marda tal-Covid-19 irrelatata.

Dan qaluh il-kelliema għall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), li wissew li l-virus qed ikompli jinfirex u li d-dinja tinsab riesqa lejn perjodu partikularment diffiċli.

Mike Ryan, l-espert ewlieni għall-emerġenzi mal-WHO, informa lill-Bord Eżekuttiv tal-aġenzija li l-epidemija tal-Covid-19 qabdet spinta sostanzjali f’diversi bnadi lejn ix-xlokk tal-Asja u li l-infezzjonijiet – bl-imwiet irrelatati – qegħdin jiżdiedu fir-reġjuni tal-Ewropa u r-reġjun tal-Mediterran lejn il-lvant.

‘Skont il-kalkuli tagħna, madwar 10 fil-mija tal-popolazzjoni globali setgħu spiċċaw infettati mill-virus’, sostna Ryan. Hu kompla li l-impatt tal-Covid-19 ivarja minn pajjiż għal ieħor ‘u mill-inħawi urbani għal dawk rurali’ – bil-gruppi tan-nies partikulari wkoll iridu jitqiesu bħala fatturi f’din l-analiżi.

Sadanittant, Mike Ryan qal li din l-evalwazzjoni turi biċ-ċar li l-parti kbira tan-nies tad-dinja jridu jiffaċċjaw l-element ta’ sogru b’kaġun ta’ dan il-virus.

L-aħħar rapporti qalu li l-WHO ħarġet b’lista ta’ esperti biex jieħdu sehem f’missjoni internazzjonali li għandha tinvestiga l-oriġini tal-coronavirus ġdid, fiċ-Ċina. Il-lista tal-esperti, skont il-kelliema f’Ġinevra ( fejn il-WHO għandha l-kwartieri ġenerali) issa tressqet għall-konsiderazzjoni tal-awtoritajiet Ċiniżi.