Sport Sport Ieħor

Arnaud Demare jirbaħ ir-raba’ stadju tal-Giro d’Italia

(Ritratt: EPA)

Ir-raba stadju tal-Giro d’Italia f’Villafranca Tirrena fuq distanza ta’ 140 kilometru ntrebaħ minn Arnaud Demare, f’taqtiha mill-isbaħ wara li għeleb lil Peter Sagan u Davide Ballerini b’inqas minn sekonda. Joao Almeida żamm il-flokk ir-roża, fejn daħal fit-18-il post.

Din kienet il-11-il rebħa tal-istaġun għall-Franċiż Demare. Kien tmiem ta’ tellieqa kompetittivi ħafna, fejn fl-aħħar mumenti tar-rotta, kien Sagan li kien jinsab fuq quddiem. Però fl-aħħar sekondi ftit il-bogħod mill-linja, Demare laħaq u qabeż lil Sagan eżatt, tant li r-rebbieħ kellhu jiġi kkonfermat mill-kamera. Fit-tielet post imbagħad daħal Ballerini, segwit minn Andrea Vendrame u Elia Viviani.

Kienet ġurnata diffiċli għal UAE Team Emirates wara t-Taljan Diego Ulissi nqata lura fit-telgħa prinċipali tat-tellieqa biex ma għamiliex mal-ewwel għaxra. Fl-aħħar kilometru, żewġ ċiklisti ta’ Vini-Zabu, Luca Wackermann u Van Empel kellhom aċċident, ikrah wara li twaqqaw minn barriers li kienu mtajra f’nofs it-triq minn ħelikopter li beda jtir fil-baxx. Wackermann ttieħed l-isptar, filwaqt li Empel kompla t-tellieqa u daħal fl-aħħar post.

Giro d’Italia jkompli għada bil-ħames stadju, minn Mileto sa Camigliatello Silano fuq distanza ta’ 225 kilometru.