Lokali

Arrestati tlieta b’rabta ma’ sejba ta’ 23kg droga

Ħidma mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, irriżultat fl-arrest ta’ tlett irġiel u s-sejba ta’ 23 kilogramma ħaxixa tal-kannabis.

Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni fuq il-movimenti ta’ tliet persuni, ftit wara nofsillejl, il-Pulizija ċċirkondathom u arrestawhom fl-akwati ta’ Marsaxlokk.

It-tliet irġiel, wieħed ta’ 19-il sena residenti Birżebbuġa u t-tnejn l-oħra ta’ 28 sena residenti Marsaxlokk, kienu qegħdin jiġu osservati iniżżlu kaxxi tal-kartun minn fuq skuna tas-sajd li kienet għadha kemm sorġiet max-xatt ta’ Marsaxlokk.

Wara li l-Pulizija komplew josservawhom ipoġġu l-kaxxi ġo vann, ftit wara l-vann instaq minn fuq il-post u l-Pulizija ċċirkondawh minnufih u waqqfuhom.

Mill-investigazzjonijiet li saru, il-Pulizija kkonfermat li fil-kaxxi kien hemm droga kannabis. Irriżulta li b’kollox kien hemm 23 f’kilogramma.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali u l-persuni arrestati mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta