Lokali Qorti

Battibekki fuq stqarrijiet fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech u wara kompliet kollha bil-magħluq

Battibekki bejn id-difiża u l-Prosekuzzjoni fuq stqarrijiet u anke fuq irċevuti kienu kkaratterizzaw il-bidu tal-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech li qed tkompli tinstema’ bil-magħluq. Il-Qorti ordnat li tiġi żgumbrta l-awla minħabba li ma tridx li jerġgħu jissemmew xi ismijiet, kif seħħ fis-seduta preċedenti.

Kien l-Ispettur Keith Arnaud li xehed bil-magħluq bid-difiża li kienet ippreparata li tagħmillu diversi domandi fuq il-każ. Meta għall-ħabta tas-1.15pm. Arnaud spiċċa mix-xhieda tiegħu, l-Qorti aġġornat il-kumpilazzjoni għal-Erbgħa 21 ta’ Ottubru fl-10.00am.

Fil-bidu tas-seduta l-Maġistrat talbet biex jiġu preżentati rċevuti u dikjarazzjonijiet mill-Prosekuzzjoni. L-Ispettur Keith Arnaud spjega li għandu d-dikjarazzjonijiet iżda l-irċevuti se jkunu esebiti fil-Qorti fi stadju aktar tard.

Arnaud esebixxi d-dikjarazzjonijiet ta’ Keith Schembri, l-0eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, ta’ Edgar Brincat (magħruf ukoll bħala Edwin il-Ġojja), tal-Middleman Melvin Theuma li ngħata l-proklama, tal-kaptan tal-jott ta’ Yorgen Fenech – Logan Wood, u tat-tabib Adrian Vella, li huwa t-tabib personali ta’ Yorgen Fenech u Keith Schembri.

Arnaud qal li rċevuti relatati ma’ oġġetti kkonfiskati minn individwi għandhom jiġu esibiti meta l-esperti tal-Qorti jikkonkludu x-xogħol tagħhom. L-avukat difensur ta’ Fenech Charles Mercieca qal:

“Ma nistax nifhem kif, speċjalment Keith Arnaud, m’għandux irċevuti ta’ oġġetti investigati minnu. Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li ma tafx fejn huma l-irċevuti?”

Il-Maġistrat Montebello qalet lill-Avukat Mercieca. “Aħna ma nużawx din l-awla biex nagħmlu ċerti dikjarazzjonijiet għall-midja. Agħmel talba, mhux kummenti bla bżonn,” hija qaltlu.

L-Ispettur Arnaud qal fuq dan il-punt, “Meta l-kollega tiegħi staqsa eżattament dak li kien qed jiġi investigat, tajtu lista ta’ kull oġġett evalwat u meħud minn Edgar Brincat.

“Fejn oġġett ittieħed mill-Pulizija minn post, l-Pulizija dejjem ipproduċew irċevuta. F’dan il-każ, kienu l-esperti tal-Qorti li ttrattaw dawn l-oġġetti, u hu għalhekk li m’għandniex irċevuti. “

Arnaud kompla jgħid li meta jiġi ppubblikat ir-rapport tal-inkjesta mhux biss ikun hemm oġġetti iżda ritratti ta’ kull oġġett. L-avukat difensur Gianluca Caruana Curran argumenta li Arnaud kien preżenti meta ttieħdu oġġetti.

Madankollu, Arnaud insista li kien hemm tim forensiku li ħa r-ritratti u għaddihom għall-analiżi. L-Ispettur Arnaud wieġeb billi qal li anke meta l-Pulizija marru fid-dar ta’ Keith Schembri fil-Mellieħa, espert forensiku appuntat mill-Maġistrat ħa xi affarijiet relevanti għall-investigazzjoni.

Arnaud informa wkoll lill-Qorti li kien qed jippreżenta l-istqarrijiet ta’ dawk li diġà xehdu fil-Qorti imma ma ġewx preżentati l-istqarrijiet tagħhom, qal li kien qed jirreferi għal ta’ Melvin Theuma u Logan Wood.

L-Ispettur talab li jippreżentahom aktar tard bil-Maġistrat Montebello tgħidlu li l-Qorti kienet qed tistenna li jippreżentahom illum. It-tim tad-Difiża talab kopja ta’ dawn l-istqarrijiet, b’Arnaud jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda fejn ippreżenta l-istqarrijiet.

Arnaud ippreżenta CDs bi stqarrijiet meħuda mill-Pulizija minn diversi persuni. Arnaud qal li fuq ta’ Johann Cremona qed jiġu esebiti sitt dikjarazzjonijiet.

Erba’ DVDs oħra fihom id-dikjarazzjonijiet mogħtija minn Adrian Vella. Hemm tliet DVDs bid-dikjarazzjonijiet ta’ Keith Schembri – wieħed huwa datat 26 ta’ Novembru, u tnejn datati 28 ta ’Novembru.

L-Ispettur informa lill-Qorti li d-dikjarazzjonijiet ta’ Melvin Theuma, Edgar Brincat, Kenneth Camilleri u Logan Wood se jiġu ppreżentati fi stadju aktar tard.

L-avukat difensur Charles Mercieca qal: “L-ispettur kien jaf li hu meħtieġ li jġib dawn id-dikjarazzjonijiet u ma għamilx dan – jekk kien hemm waħda jew tnejn li nesa dan wieħed jista’ jifhmu, iżda erba’ dikjarazzjonijiet li jinvolvu persuni ewlenin hija kwistjoni oħra.”

Il-Maġistrat qalet li filwaqt li l-Qorti stenna li dawn id-dikjarazzjonijiet jinġiebu fil-ħin, wieħed irid ikun prattiku wkoll. Il-Maġistrat talbet lil Arnaud biex jagħmel talba biex biex dawn il-kopji jinġiebu immedjatament. Arnaud ħareġ mill-awla biex jagħmel kuntatt.

Arnaud reġa’ daħal fl-awla u kkonferma li l-kopji se jinġiebu. Hawn id-Difiża tistaqsi tistax tkompli bil-kontro-eżami tal-Ispettur Arnaud bit-talba tiġi aċċettata.

Hawn il-Maġistrat Montebello qalet li jekk se jerġgħu jissemmew l-ismijiet li ssemmew il-ġimgħa li għaddiet, ix-xhieda trid tingħata fil-magħluq. Fil-fatt l-ġurnalisti u l-pubbliku preżenti fl-awla ntalbu joħorġu.

Yorgen Fenech huwa akkużat li kkonfoffa biex joqtol lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fis-seduta preċedenti, l-avukati tad-difiża argumentaw li l- “imħuħ reali” tal-karozza bomba f”Ottubru tal-2017 għadhom jiġru mas-saqajn.

Fenech huwa wieħed minn erba’ persuni arrestati u akkużati b’rabta mal-qtil: Vincent Muscat u l-aħwa Alfred u George Degiorgio huma akkużati li wettqu l-qtil. Il-ħames raġel, Melvin Theuma, ingħata maħfra għar-rwol tiegħu fil-qtil, bi skambju għall-provi li jagħti fuq il-każ, li jimplika lil Yorgen Fenech.

Għal Yorgen Fenech qegħdin jidhru l-Avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud u Kurt Zahra li huma assistiti mill-Avukat Philip Galea Farrugia mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdinb jidhru għall-familja Caruana Galizia.