Lokali Parlament

Bernard Grech co-opted fil-Parlament; “inwettqu xogħol flimkien għal Malta”

L-ex Kap tal-PN Adrian Delia jissekonda l-mozzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela biex il-Kap tal-PN Bernard Grech ikun co-opted fil-parlament

Il-Kap il-ġdid tal-PN Bernard Grech llum kien co-opted fil-parlament bl-ex Kap tal-PN Adrian Delia jissekonda l-mozzjoni mressqa mill-Prim Ministru Robert Abela.

Kien il-Prim Ministru Robert Abela li fil-parlament ressaq il-mozzjoni biex il-Kap tal-PN Bernard Grech ikun co-opted fil-parlament wara r-riżenja tad-deputat Nazzjonalista Ivan J.Bartolo minn deputat tal-PN fid-9 distrett elettorali. Il-mozzjoni kienet sekondata mill-ex Kap tal-PN u deputat Nazzjonalista Adrian Delia.

F’dan il-mument il-Kap tal-PN Bernard Grech ħa l-ġuramnet ta’ ħatra min idejn l-Ispeaker Anġlu Farrugia.

F’diskors il-Kap tal-PN Bernard Grech irringrazzja lill-Ispeaker Anġlu Farrugia, lill-ex Kap tal-PN Adrian Delia u lill-ex deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo u lill-familja tiegħu u awgura li flimkien ikun jistgħu jwettqu xogħol denju għal Malta.

Adrian Delia awgura lil Bernard Grech xogħol b’risq il-pajjiż u l-poplu. Hu rringrazzja lill-President ta’ Malta George Vella u lill-President Emeritus Marie Lousie Coleiro Preca li ħadem magħhom mil-qrib kif ukoll lill-Ispeaker u lill-istaff tal-parlament.

Hu qal li fl-aħħar jumejn ħaseb ftit fuq il-possibbiltà li l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Prim Ministru jkunu tal-Maltin kollha. Kien għal dan li dħalt fil-politika u għamilt politika b’differenza fejn il-kritika ssir b’mod kostruttiv, sostna Adrian Delia, li fakkar kif l-Oppożizzjoni tagħmel ħafna xogħol li ma jidhrix fit-tfassil tal-liġijiet.

Adrian Delia appella biex l-Oppożizzjoni tibqa’ kritika u kostruttiva biex ix-xogħol kollu jsir biex isir il-ġid għall-poplu.