Lokali Qorti

Ħames snin ħabs għal avukat fuq frodi ta’ eluf ta’ ewro fil-konfront ta’ 12-il kumpanija

L-Avukat Reuben Micallef ġie kundannat ħames snin ħabs mill-Maġistrat Ian Farrugia wara li nstab ħati li ffroda 12-il kumpanija, waħda tal-iżvilupp u l-oħrajn tal-elettronika u l-kompjuter. Il-frodi b’kollox kien ilaħħaq is-€73,794. Fiż-żmien li twettaq ir-reat Malta kienet għada tadotta l-flus Maltin.

Il-Qorti qalet li fuq medda ta’ żmien, Micallef volontarjament inganna u għamel qliegħ. “Peress li l-imputat kien avukat prattikanti bil-warrant, u propju kien juża dik il-pożizzjoni sabiex isaħħah il-fiduċja tat-terzi li gew ingannati, il-kompartament ta’ l-imputat jiehu dimensjoni hafna aktar serja.

“B’dak li ghamel, l-imputat mhux talli gab fix-xejn il-ġurament li kien ħa qabel ingħata l-warrant biex jipprattika il-professjoni ta’ avukat, iżda għamel ħsara kbira lir-reputazzjoni tal-professjoni legali, ” Dan kollu kompliet tgħid il-Qorti huwa rifless fil-piena.

Mill-provi mressqa mill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla ħareġ li f’Marzu tal-2007 u fis-snin ta’ qabel l-Avukat Micallef ta’ 46 sena kien jagħmel kuntatt ma’ diversi kumpaniji u jgħidilhom li se jiftaħ negozju.

Għadaqstant għandu bżonn il-kompjuters u li ried jixtri kompjuters u apparat tat-televixin. Hawn huwa kien jitlob kreditu jew iħallas permezz ta’ ċekkijiet bankarji li kienu jibbawnsjaw.

Abdilla qal li kienu sarulu diversi rapporti differenti minn kumpaniji tal-electronics u tal-kompjuters fejn dawn kienu dejjem jagħtu l-istess verżjoni fir-rapport tagħhom lilu.

Il-valur iffrodat kien jikkonsisti f’Lm19,680 (€45,842) f’oġġetti li kien jieħu mill-ħwienet u LM12,000 (€27,952) f’ċekkijiet li ibbawnsjaw, liema ċekkijiet kienu jiġu ffirmati fuq kotba tal-Bank APS.

Żviluppatur li kellu kumpanija bl-isem ta’ Biedbug Developments qal fil-Qorti li fis-6 ta’ Awwissu 2006 kienu avviċinawh ċertu David Coleiro u Ray Debono biex jidħol f’negozju magħhom u jġibu tliet containers madum u dan fuq ftehim minħabba li Raymond Debono sostna li għandu xi klijenti Libjani li riedu jixtru l-madum.

Il-ftehim kien li ix-xhud jiffinanzja in-negozju u l-profitti jinqasmu ma David Coleiro. Kien fit-8 ta’ Awwissu 2006 li x-xhud iltaqa mal-Avukat Micallef meta mar l-uffiċju tieghu sabiex issir skrittura privata.

Skond ix-xhud, din l-iskrittura giet imfassla mill-Avukat Reuben Micallef. Skond il-ftehim, ix-xhud kellu jordna ix-xoghol u meta jippreżenta kopja tal-‘bill of lading’ għand l-imputat dan sostna li kien ser iroddlu tnax Lm12,000 (€27,952) li kien qiegħed iżomm huwa bħala depożitu.

Spjega li l-bqija tal-prezz kellu jitħallas meta tasal il-merċa Malta. Wara dan x-xhud mar iċ-Ċina ma’ David Coleiro u ordnaw ix-xogħol. Jirriżulta li mal-wasla tieghu mar bil-‘Bill of Lading’ ghand l-Avukat Reuben Micallef sabiex jiġbor id-depoċitu, pero l-imputat skond ix-xhud sostna li dan in-negozju kien gimmick pero kien ser jgħinu sabiex ibiegħ il-madum xorta.

Qal li Micallef żamm lura milli jħallas id-depożitu wara diversi skużi pero wara tul ta’ żmien Reuben Micallef ħareg ċekk tal-bank APS Bank lix-xhud għall-valur ta’ Lm12,000.

Dan iżda ma ssarrafx għax il-kont kien magħluq. Is-sidien u Managers tal-kumpaniji tal-kompjuter kollha xehedu similarment. Dawn qalu li l-imputat kien iċempel lil wieħed mis-sales representatives tan-negozju għal delivery ta’ xi xogħol fosthom kompjuters u televixins.

Fl-ebda mument mal-ħlasijiet biċ-ċekkijiet ma kienux jiġu onorati. Kienu jsiru diversi attentati sabiex l-imputat iħallas u hu kien jgħidilhom biex jagħtuh aktar żmien u iżda xorta ma kienx jasal.

Il-Qorti qalet ukoll fis-sentenza tagħha li għalkemm l-aġir tal-imputat kien wieħed moralment kundannabbli u li b’dak li għamel huwa definnittivament li nganna lil diversi persuni u kumpaniji billi ħa l-materjal iżda baqa’ ma ħallasx għalih (ħlief f’xi okkazzjoni waħda fejn sar il-ħlas), dan l-aġir ma kienx wieħed tali li kien jikser ċertu id-dispożizzjonijiet tal-liġi.

Ir-relazzjoni u l-kwistjoni bejn l-imputat u dawk iffrodati baqgħet waħda ta’ natura ċivili. Madankollu l-Prosekuzzjoni rrnexxielha tipprova l-każ tagħha fil-konfront tal-imputat.

Il-kumpaniji li sfaw vittmi ta’ dan il-frodi huma Biedbug Developments Limited, Audio f’San Gwann, CBH Computers tar-Rabat, Vision 2000 ta’ Hal-Ghaxaq, Strand Electronics Limited fl-Imsida, InfoMate Limited tal-Imsida, Intercomp tal-Imsida, A to Z Electronics, Intercomp, New Millennium Computers, Forestals, Panta Computers u Datax.