Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Toni Abela ordnat lill-Bank of Valletta biex jirrilaxxa is-somma ta’ €296,000 ta’ fondi ffriżati li kienu ta Darren Debono. Dan wara li f’deċiżjoni li hija tagħat qalet li mhemm xejn fil-liġi li tobbliga lill-banek Maltin biex jimxu fuq sanzjonijiet imposti minn aġenziji Amerikani
Il-Qorti semgħet diversi provi fuq dan il-każ u kif żewġ kumpaniji ta’ Darren Debono, World Water Fishers u Nesvan Ltd, kellhom total ta’ €99,080 u €196,289 iffriżati mill-BOV.
Iż-żewġ kumpaniji f’kawża li kienu fetħu fil-Qorti qalu li li ma kien hemm l-ebda ordni ta’ ffriżar li saret minn Malta u li d-deċiżjoni li ħa il-Bank ma kinitx waħda tajba u raġonevoli.
Sentejn ilu l-Uffiċċju ta’ Kontroll ta’ Assi Barranin (OFAC) kienet ħarġet numru ta’ sanzjonijiet fil-konfront ta’ sitt persuni u 24 entità differenti, fosthom Darren Debono, wara li qegħdin jiġu akkużati li kellhom rwol f’operazzjoni li għandha x’taqsam ma’ traffikar taż-żejt. Debono għaddej proċeduri fil-Qorti Taljana b’relazzjoni ma’ din l-allegazzjoni.
Il-BOV kien argumenta li l-kumpanija WWF, kif ukoll ristorant mmexxi minn Debono, kienu ħarġu f’noti ta’ gwida ppubblikati mill-Bord Malti ta’ Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet.
Il-BOV qal li kien impossibbli għalihom li jħallu lill-kontijiet taż-żewġ kumpaniji jibqgħu joperaw b’mod liberu u dan minħabba riskju kbir fuq ir-reputazzjoni tal-Bank, l-aktar fid-dawl tal-irwol importanti li huwa għandu fi ħdan is-settur bankarju Malti.
Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li l-Bord Malti qatt ma ordna l-iffriżar tal-assi, iżda rrikkommanda attenzjoni speċjali. “Din l-attenzjoni kienet tinkludi diliġenza iktar b’saħħitha, monitoraġġ iktar frekwenti, u anke żamma ta’ records relatati mal-propjeta kollha.”
L-Imħallef Abela saħaq li xejn ma kien qiegħed iwaqqaf lill-BOV milli jagħlaq il-kontijiet bankarji tagħhom, jekk huma minnu li ħassew li s-sid tal-kontijiet huwa ta’ riskju għal bank, jew inkella li jżommuh miftuħ u iżda li jiġi osservat b’mod rett.
Dan minbarra li jinfurmaw lill-Awtoritajiet regolatorji b’mod neċessarju. Il-Bank messu avża minn qabel lill-klijent li kien qiegħed jirrikonoxxi u jinforza s-sanzjonijeit tal-OFAC, pero l-bank lanqas dan ma wettaq.
L-Avukat Victor Bugeja deher għaż-żewġ kumpaniji ta’ Debono, filwaqt li l-Avukati Louis De Gabriele u Jasmine Abela deheru bħala rappreżentanti għall-Bank f’dawn il-proċeduri.
//= $special ?>