Lokali Saħħa

Il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali 2020; opportunità għal aktar investiment fis-saħħa mentali

Minn studji dwar mard mentali fil-popolazzjoni madwar l-Ewropa, qrib 120,000 persuna qed jgħixu bi sfidi ta’ saħħa mentali f’pajjiżna. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jingħaqad mal-kampanja għal-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali 2020 immirata biex tinkoraġġixxi azzjoni pubblika dwar saħħa mentali aħjar madwar id-dinja. It-tema għall-kampanja ta’ din is-sena hija Ninvestu fis-saħħa mentali.

Fi stqarrija għall-okkażjoni, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li investiment fis-saħħa mentali u l-benesseri huwa prijorità għas-saħħa pubblika li jwassal ukoll għal titjib sostanzjali fis-saħħa tal-popolazzjoni. Investiment f’saħħa mentali aħjar hu ta’ benefiċċju dirett għal madwar kwart il-popolazzjoni Maltija  u jwassal għal benefiċċji indiretti għall-familji, fuq il-postijiet tax-xogħol u għas-sigurtà soċjali fost oħrajn. Benefiċċji oħra jinkludu tnaqqis fil-komplikazzjonijiet minn mard kroniku u titjib fil-mortalità fejn dejta lokali turi li madwar 150 mewt fis-sena huma attribwiti għal disturbi mentali u tal-imġieba u li minn 2 sa 3 persuni jmutu kull xahar minn suwiċidju. U issa fl-2020, għandna sfidi oħra għas-saħħa mentali u l-benessri minħabba l-ansjetà, l-istress, id-depressjoni u l-iżolament ikkawżati mill-pandemija COVID-19, u opportunità għal impatt pożittiv fuq is-saħħa mentali tan-nies permezz ta’ prevenzjoni attiva u appoġġ.

Fir-rapporti tal-Kummissjoni dwar is-saħħa mentali f’Malta identifikajna bosta eżempji ta’ prattiċi tajba fis-servizzi tas-saħħa mentali u tal-benesseri. Ix-xenarju tas-saħħa mentali f’pajjiżna tabilħaqq inbidel minn meta l-uffiċċju għall-promozzjoni tad-drittijiet ta’ persuni b’diżordni mentali beda jiffunzjona fl-2011. Żdied l-għarfien dwar l-impatt ta’ sfidi ta’ saħħa mentali fuq is-saħħa u l-benesseri individwali, fuq il-familji, fuq il-postijiet tax-xogħol u fuq is-soċjetà kollha. Rajna bidliet lejn kura personalizzata, aktar pazjenti trasferiti mill-isptar lejn hostels fil-komunita’ jew arranġamenti oħra ta’ għajxien indipendenti, programmi ta’ appoġġ għall-impjegati, enfasi fuq is-saħħa mentali tal-migranti, appoġġ għall-vittmi ta’ vjolenza domestika, il-kunċett tal-ewwel għajnuna fis-saħħa mentali, appoġġ għal tfal tal-iskola u għal żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola, u għadd sostanzjali ta’ inizjattivi ta’ taħriġ għal tobba, infermiera, psikologi, ħaddiema soċjali u professjonisti oħra li joffru servizzi ta’ appoġġ.

Il-pandemija fixklet ukoll is-saħħa mentali u l-benesseri f’Malta. Bħala uffiċċju għad-drittijiet tas-saħħa mentali, innutajna b’sodisfazzjon l-appoġġ lil-frontliners. Fuq livell nazzjonali l-helpline 1770 sar servizz 24/7 kmieni ħafna matul il-pandemija. Żammejna kuntatt ma’ pazjenti, familji, professjonisti u service providers. Komplejna nassiguraw li ġew imħarsa l-parametri kollha tal-Att dwar is-Saħħa Mentali fil-proċessi ta’ kura involontarja, anki permezz tat-tisħiħ ta’ faċilitajiet ta’ konsultazzjoni onlajn u elettroniċi. Ħejjejna informazzjoni komprensiva dwar il-benesseri mentali waqt COVID-19 u wżajna l-opportunitajiet kollha disponibbli biex inxerrdu pariri u ntaffu l-biża’ u l-ansjeta’.

Il-kisbiet tal-passat u l-bidliet reċenti jawguraw tajjeb għal żviluppi aktar mifruxa fil-futur qarib fis-sistema kollha tas-saħħa mentali li jsaħħu u jwasslu aktar servizzi ta’ saħħa mentali ta’ kwalità lill-pazjenti u l-familji. Ir-rakkomandazzjoni tagħna tibqa’ li s-sistemi jeħtieġu fokus kontinwu fuq familji bi dħul baxx, fuq gruppi żvantaġġati u fuq individwi b’riskju għoli. Huwa b’dan il-mod li l-istigma u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżordni mentali jistgħu jiġu eliminati mis-soċjetà Maltija.

Għalhekk għall-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali ta’ din is-sena, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali isejjaħ għal aktar investiment fis-saħħa mentali f’Malta. Il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali 2020 għandu jkun opportunità biex niċċelebraw kemm dak li ksibna kif ukoll biex nixprunaw investiment iffukat fis-saħħa mentali u l-benesseri tas-soċjeta Maltija. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa twissina li, “Jekk ma nimpenjawx ruħna serjament biex inżidu l-investiment fis-saħħa mentali issa, ser ikun hemm konsegwenzi mifruxa ħafna fl-oqsma soċjali, ekonomiċi u tas-saħħa.”

Il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali 2020 huwa nhar is-Sibt 10 t’Ottubru 2020