Ftit sigħat biss wara li l-Prim Ministru Robert Abela ma kellu xejn xi jgħidilna dwar ir-riżenja ftit tas-sigħat ilu tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat, il-Partit Laburista ħareġ stqarrija propju dwar dan.
Fi stqarrija twil maħruġa mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tiegħu, il-Partit Laburista, rringrazzja lil Muscat talli bil-ħidma tiegħu ‘lil pajjiżna f’qagħda iktar b’saħħitha milli qatt kien, biex jilqa’ għall-isfidi’.
Fost affarijeit oħra l-istqarrija tfaħħar il-mod kif Joseph Muscat żamm kelmut dwar il-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Każ li sa issa għadu mhux solvut u fil-Qrati għadhom ħerġin xhieda xokkanti li jimplikaw lill-aktar persuni li kienu qrib l-istess Muscat.

Il-Labour faħħar il-mod kif l-eks Prim Ministru għalaq il-powerstation ta’ Delimara, imma għal xi raġuni nesa’ jsemmi l-proġett skandaluż tal-Electrogas.

U fost l-unuri li nesew isemmu kien dak li ħa propju s-sena li għaddiet. Dak tal-Persuna tas-Sena għall-Korruzzjoni u l-Kriminalità. Premju li ħaduh ukoll Vladimir Putin u Ilham Aliyev fost l-oħrajn.
