Lokali Qorti

Miċħuda talba ta’ Yorgen Fenech għall-informazzjoni ċellulari ta’ diversi persuni

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet it-talba biex jiġu ppreżentati il-call logs u data dwar ġeolokalizzazzjoni ta’ 13-il persuna. F’seduta preċedenti, l-avukati difensuri ta’ Yorgen Fenech kienu għamlu talba lill-Qorti biex jiġu esebiti nformazzjoni ċellulari ta’ diversi ta’ individwi.

Dan fid-dawl tal-kummenti li saru fis-seduta ta’ qabel li kienet tgħid li “Il-vera awturi wara dan l-omiċidju għadhom jiġru barra u qed ikunu protetti…ikun aħjar li nieqaf hawn.”

L-Avukat Charles Mercieca kien tenna li din l-informazzjoni kellha tiġi preżentata quddiem il-Qorti malajr kemm jista’ jkun, “għaliex inkella minħabba liġijiet, l-informazzjoni ċellulari ta’ dawn in-nies kienet ser tintilef.”

Il-Maġistrat Montebello qalet fid-deċiżjoni tagħha li t-talba tad-difiża mhux ġustifikabbli, u waħda disproporzjonata għaliex tagħfas fuq id-drittijiet ta’ persuni terzi mhix relatati mal-proċeduri ta’ din il-Qorti.

L-informazzjoni li l-avukati talbu għall-informazzjoni ta’ 13-il persuna kienet żvelata fid-digriet tal-Qorti, madanakollu għadu mhix magħruf l-identita tal-persuni kollha msemmija u lanqas jekk xi ħadd jkolli xi tip ta’ nformazzjoni dwarhom ma jista’ jsemmihom.