Kunsilli Lokali Lokali

Residenti, bdiewa u attivisti jitolbu li jkun preservat il-wirt kulturali, ambjentali u agrikolu ta’ Ħad-Dingli

Ritratt: Noel Zammit

Residenti ta’ Ħad-Dingli, bdiewa u attivisti mill-Moviment Graffitti kitbu lill-Ministru Farrugia, lill-Ministru Borg u lill-Ministru Herrera, biex jintervjenu immedjatament biex iwaqqfu l-kostruzzjoni ta’ triq ippjanata fuq għelieqi f’Ħad-Dingli (aqra l-ittra kollha hawn). Saret ukoll talba urġenti lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u lill-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar biex tinħareġ Emergency Conservation Order għall-Knisja Medjevali ta’ Santa Duminka u l-madwar tagħha f’Ħad-Dingli.

Fi stqarrija l-Moviment Graffitti spjegaw li dawn it-talbiet saru wara l-azzjoni diretta li saret il-Ġimgħa li għadda f’Ħad-Dingli meta Infrastructure Malta marru b’inġenji goffi u mingħajr m’avżaw lil ħadd, bit-tir li jibnu triq fuq għelieqi privati. Fl-ittra tagħhom lill-Ministri, il-bdiewa, ir-residenti u l-attivisti iqajmu ċerti mistoqsijiet dwar il-ħtieġa ta’ din it-triq. Għalkemm ilha pjanata mill-1998, minn dak iż-żmien ma ttieħdet assolutament ebda azzjoni biex tinbena din it-triq. Madankollu, jidher li issa din it-triq saret tant urġenti li Infrastructure Malta iddeċidiet li tibgħat lill-ħaddiema u l-makkinarju fuq is-sit mingħajr ma segwiet il-proċess formali li tavża lis-sidien tal-art milquta, li se jkunu affetwati b’mod negattiv ħafna b’dawn ix-xogħlijiet minħabba li t-triq se tkun qed tgħaddi direttament minn fuq l-art agrikola tagħhom.

Minbarra li se teqred sit ta’ importanza arkeoloġika, it-triq konċernata se tkun ukoll ta’ detriment għall-għajxien ta’ bosta minn dawn il-bdiewa, li ilhom jaħartu din l-art u jkabbru l-uċuħ tar-raba għal ħafna snin. Barra minn hekk, il-ġibjuni li bħalissa qed jipprovdu l-ilma tant meħtieġ biex jissaqqew dawn l-għelieqi huma mhedda minħabba dan l-iżvilupp.

Il-bini ta’ din it-triq se jkun qed joħloq ukoll pressjoni għal aktar żvilupp fuq l-artijiet barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) tal-madwar, minħabba li diġa kien hemm applikazzjonijiet għal-residenzi fuq art ODZ f’dawn l-istess inħawi. Ħad-Dingli huwa wieħed mill-ftit irħula rurali li għad fadal f’dan il-pajjiż, u r-residenti jixtiequ li jżommuh kif inhu. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-bdiewa, ir-residenti u l-attivisti qed jitolbu:

1)  Il-ħruġ immedjat ta’ Emergency Conservation Order biex tiġi protetta l-Knisja Medjevali ta’ Santa Duminka u l-madwar. Is-sit għandu jkun skedat bħala Grad 1 u jingħata status ta’ sit arkeoloġiku Klassi A, li jinkludi buffer zone skedata madwaru.

2)  Bidla fil-Pjan Lokali biex din it-triq tiġi mneħħija mill-pjan minħabba li m’għandhiex użu apparti li se tagħmel ħafna ħsara lill-wirt kulturali u agrikolu u lill-ambjent naturali tagħna.