Lokali Qorti

“Riskju għas-saħħa” – Il-Qorti nkwetata li ngħatat awla ċkejkna fil-każ ta’ Yorgen Fenech

Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li minkejja li l-Qorti preseduta minnha ordnat awla akbar biex takkomoda lill-partijiet interessati fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, mixli fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-amministrazzjoni tal-Qorti naqset milli tagħmel dan.

Il-Maġistrat qalet li bħala riżultat, id-distanza soċjali ma tistax tinżamm, u dan jagħmel riskju kbir għas-saħħa ta’ kulħadd preżenti. Dan wara li ġie deċiż li s-seduta tinstema’ fl-awla numru 2, li hija relattivament l-iżgħar awla fil-bini tal-Qorti.

Is-soltu din is-seduta ssir fl-awla numru 22, l-akbar waħda li hemm fil-Qorti fejn fiha jsiru wkoll il-ġurijiet. Fil-fatt mhux il-ġurnalisti kollha sabu fejn ipoġġu u dan peress li n-numru tagħhom ikun wieħed konsiderevoli.

F’każ ta’ din il-portata minbarra l-ġurnalisti, jkunu preżenti ħafna Avukati u Prosekuturi, Fl-awla jkunu preżenti wkoll mal-ħames uffiċjali mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dawn ikunu skorta ma’ Yorgen Fenech.

Il-Qorti qalet ukoll li minkejja kollox ma tistax sempliċement tħassar seduta skedata għal dawn ir-raġunijiet. Il-Maġistrat Montebello qalet li l-amministrazzjoni tal-Qorti ilha li ġiet infurmata biex talloka awla ikbar. Saħqet li awla 2 hija inaċċettabbli għal dan il-każ peress li d-distanza soċjali ma tistax tiġi osservata.