Lokali

Robert Abela ostili fl-ewwel laqgħa ma’ Bernard Grech

Dik li kellha tkun laqgħa kordjali bejn il-Prim Ministru u l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista spiċċa f’attakk frontali minn Robert Abela li ma deher xejn komdu bit-talba ta’ Bernard Grech sabiex jiddiskutu aktar fil-fond temi kruċjali għall-pajjiż bħall immigrazzjoni, il-mod kif se titrażżan l-pandemija, il-pjan għar-riġenerazzjoni ekonomika sabiex jittaffa l-impatt tal-Covid-19, l-edukazzjoni u l-investigazzjoni fil-kuntratt skandaluż tal-Electrogas.

F’kumment li ta wara l-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru, minkejja li semgħu, irriffjuta t-talba tiegħu għal diskussjoni fuq temi kruċjali.

Fuq l-immigrazzjoni Bernard Grech qal li l-Prim Ministru mhux jifhem l-importanza ta’ din il-materja għal pajjiżna, u kemm hu bżonnjuż li ssir ħidma serja.

“IL-PRIM MINISTRU WEĠIBNI BISS FUQ L-IMMIGRAZZJONI IRREGOLARI. JIDDISPJAĊINI NGĦID LI MA KIENX QED JIFHEM SEWWA X’QED NGĦID. JIEN KONT QED NITKELLEM FUQ IMMIGRAZZJONI U L-POPOLAZZJONI.  NERĠA NESTENDI L-STEDINA LILL-PRIM MINISTRU BIEX NITKELMU DWAR DAN U NFASSLU PJAN GĦAL ĦIDMA SERJA F’DAN IL-QASAM”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar id-dmir li ssir inkjesta fil-kuntratt tal-powerstation, madankollu l-Prim Ministru anke hawn qed jirrifjuta.

Bernard Grech saħaq li pajjiżna qed jiffaċja ħafna sfidi bħalissa, madankollu dawn huma t-temi li żgur huma fost l-aktar li qed jinkwetaw lill-poplu Malti u Għawdxi.

Mhux tal-istess fehma, Robert Abela, li wara li fil-laqgħa ma’ Bernard Grech uża ton għall kollox negattiv u ostili fil-konfront ta’ dak li fi ftit sigħat oħra se jkun qed jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Kap tal-Oppożizzjoni, akkuża lill-istess Grech li ma riedx jitkellem dwar dak li l-aktar temi li jinteressaw lill-poplu.