Lokali

Skomdi dwar kif Muscat waqqa’ r-reputazzjoni

Esponenti ewlenin fil-Partit Laburista għadhom sal-lum skomdi jitkellmu dwar kif l-eks Mexxej tagħhom, Joseph Muscat, waqqa’ fl-agħar livelli r-reputazzjoni ta’ pajjiżna madwar id-dinja.

Fosthom il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Miriam Dalli, li mistoqsija minn NET News, ħarbet milli twieġeb jekk tħossx li hu ftit wisq u tard wisq li Muscat irriżenja mill-Parlament Malti.

Skomda bil-mistoqsija, Dalli wieġbet biss li Muscat kien ilu jgħid li se jirriżenja f’Ottubru jew Novembru.

Fl-istess waqt, ma weġbitx għaliex l-esponenti kollha tal-Partit Laburista baqgħu jiddefendu lil Muscat sal-aħħar. Dan meta hi stess, fuq Facebook, kitbet li tħoss li Muscat irrivoluzzjona lill-Partit.

Lanqas ma wieġbet jekk għadhiex tħossha irrabjata u traduta bl-iskandli li ħakmu l-Gvern Laburista fl-aħħar seba’ snin, tant li Muscat kellu jirriżenja minn Prim Ministru fl-aħħar tas-sena li għaddiet, filwaqt li ngħata t-titlu tal-aktar politiku korrott fid-dinja.

Madankollu, ikkummentat kif hi ma kinitx taf li Muscat kien se jirriżenja t-Tnejn. Dan f’botta indiretta għall-fatt li ma tantx tidher li għadha stmata mit-tmexxija ta’ Robert Abela, li min-naħa tiegħu hu mifhum li kien jaf bil-pass li kien se jagħmel il-predeċessur tiegħu.

Min-naħa tagħha, il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li dan l-aħħar pass ta’ Muscat fil-politika Maltija żgur li jgħin biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna titjieb. Madankollu, hi saħqet li din ir-riżenja m’għandhiex twaqqaf lill-awtoritajiet lokali milli jkomplu jaraw li l-ġustizzja ssir u tidher li qed issir.

Il-konferenza tal-aħbarijiet trattat l-aġenda li għandu quddiemu l-Parlament Ewropew, hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin se jkompli jiddiskuti diversi temi ta’ interess għal pajjiżna. Fosthom is-Saltna tad-Dritt, il-Bdil fil-Klima, l-Immigrazzjoni u l-Covid-19 fid-Djar tal-Anzjani.