Lokali

“Staqsu lilu” – Robert Abela m’għandux xi jgħid dwar ir-riżenja ta’ Muscat

Ir-riżenja ta’ Joseph Muscat mill-Parlament Malti kienet immarkata minn nixfa ta’ kliem, kemm mill-istess Muscat, kif ukoll mill-Prim Ministru Robert Abela.

Muscat fil-Parlament

Wara li Muscat irriżenja b’diskors ta’ 90 sekonda, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll ma tantx kien komdu jitkellem dwar din il-mossa.

Wara li għall-ewwel prova jaħrab mill-mistoqsijiet tagħna, Abela donnu reġa’ bdielu u dar lura biex itina l-kummenti tiegħu. Madankollu, anke hawn, skarsezza ta’ kliem, u skumdita jitkellem dwar il-predeċessur tiegħu.

“DIK HIJA DOMANDA LI TRID TISTAQSI LILU

Robert Abela, meta mistoqsi għar-raġuni wara r-riżenja ta’ Muscat, qalilna nistaqsu lilu.

Stasejna lill-Prim Ministru wkoll jekk din ir-riżenja kinitx diskussa bejnu u bejn l-eks Prim Ministru. B’Abela jgħid li saru diversi diskussjonijiet, madankollu baqa’ ma qalx dwar xiex, u qal biss li kellhom ‘diskussjonijiet dwar diversi suġġetti’.

Mistoqsi jikkonferma li Muscat ħa d-deċiżjoni minn jeddu u li hu baqa’ ċass quddiem il-kontroversji kollha li wasslu għall-waqa’ ta’ Muscat, il-Prim Ministeru baqa’ ghaddej bl-istess kantaliena.

Wiehed irid ifakkar li l-Prim Ministru Robert Abela, li sab ruħu f’din il-kariga wara li Joseph Muscat kellu jitlaq ir-riedni minn idejh f’nofs kriżi politika, fil-kampanja tiegħu għall-elezzjoni ta’ Mexxej tal-Partit Laburista.. kien ħalef lealtà lejn il-predeċessur tiegħu, u kien qal li kien se jkun qed jikkonsulta miegħu ta’ kuljum.