Coronavirus Lokali Saħħa

68 każ ġdid ta’ Covid-19

Il-każijiet attivi komplew jiżdiedu

Pajjiżna qed jibki l-41 vittma tal-Covid-19 wara li anzjana ta’ 96 sena mietet minħabba l-Coronavirus.

L-anzjana ddaħħlet l-isptar Mater Dei fl-1 ta’ Ottubru mir-residenza tal-anzjani li kienet tgħix fiha u ġiet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 dakinhar stess. Hija baqgħet tingħata kura fl-isptar Mater Dei, imma mietet aktar kmieni l-Erbgħa filgħodu.

Bejn it-Tlieta u l-Erbgħa ġew irreġistrati 68 każ ġdid ta’ Coronavirus f’pajjiżna, filwaqt  li fiequ minn din l-imxija 53 persuna. 

Dan ifisser li l-każijiet attivi f’pajjiżna telgħu għal 551, bit-total ta’ każijiet issa huwa ta’ 3,659 u fiqeu total ta’ 2,865.

Dawn l-aħħar każi mħabbra għadhom qed jiġu investigati mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Minn dawk tat-Tlieta kien hemm 12-il każ ta’ qraba ta’ persuni pożittivi, tmienja li huma kuntatti pożittivi fuq il-post tax-xogħol u 12 oħra minn avvenimenti soċjali. 15 mill-każi kienu sporadiċi, jiġifieri ma jafux minn fejn setgħu ħadu l-virus.

Il-każi ġodda mħabbra fl-aħħar 24 siegħa huma l-akbar numru ta’ każi fl-aħħar 22 ġurnata.

Huwa propju għalhekk li l-Awtoritajiet tas-saħħa qed jibqgħu jappellaw biex il-poplu jibqa’ jsegwi l-appelli tal-professjonisti, fosthom il-ħasil tal-idejn ta’ spiss, id-distanza soċjali u l-użu tal-maskra.

Din il-pandemija qed tkompli tħalli effetti diretti anke fuq l-ekonomija.

Fil-fatt, statistika maħruġa mill-NSO turi li t-turisti li żaru pajjiżna f’Awwissu ammontaw għal 114,458. Dan ifisser tnaqqis ta’ xejn anqas minn 66.2% meta mqabbel ma’ Awwissu 2019. It-total ta’ iljieli li t-turisti qattgħu f’Malta naqas b’mod sostanzjali wkoll.

21.7% tat-turisti kollha li ġew Malta f’Awwissu kienu ġejjin mir-Renju Unit.