Lokali

Bernard Grech u Robert Abela mistiedna għal dibattitu fuq Xarabank

Mhux magħruf jekk il-Prim Ministru aċċettax din l-istedina wara li għal xhur rrifjuta milli jiddibatti lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista

Xarabank Online stieden lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, kif ukoll lill-Mexxej Laburista, Robert Abela, għal dibattitu bejniethom.

Dan ħareġ fi tmiem intervista li l-preżentatur tal-programm, Peppi Azzopardi, għamel lill-Kap preċedenti tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia.

S’issa għadu mhux magħruf jekk fil-verità l-Prim Ministru aċċettax din l-istedina biex jiddibatti mal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech

Adrian Delia kien ilu xhur jisfida lil Robert Abela għal dibattitu, b’dan tal-aħħar effettivament irrifjuta li jiddibatti miegħu, minkejja li qal li ma jsibx problema jiddibattieh.

Kien dan l-istazzjon innifsu li kien stieden direttament lill-Prim Ministru Robert Abela għal dibattitu fuq NET Television wara li d-dibattitu fuq ix-xandir nazzjonali baqa’ ma sarx.

Ilbieraħ, f’laqgħa suppost kordjali li l-Kap l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista kellu mal-Prim Ministru wara l-ġurament tal-ħatra tiegħu bħala deputat parlamentari, spikka l-mod ostili u negattiv kif Robert Abela laqa’ lil Bernard Grech meta ressaqlu materji urġenti ta’ importanza nazzjonali għad-diskussjoni.